Friday, December 27, 2024

RIFORMI WARA ĦAFNA SNIN … SE JIRNEXXIELNA NAQTGĦU L-ABBUŻI?

Aqra wkoll

Id-dħul fis-seħħ tar-regolamenti tal-liċenzjar tal-kuntratturi juru bis-sħiħ li tassew hemm rieda biex titwettaq bidla fil-qasam tal-kostruzzjoni. Sa minn qabel seħħet it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, il-gvern kien għamel numru ta’ stqarrijiet dwar id-direzzjoni meħtieġa fil-qasam tal-kostruzzjoni. Settur li jeħtieġ li jkun regolat aħjar bil-għan li jitħaddem b’aktar serjetà, kull min jaħdem fih iġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu biex finalment titjieb il-kwalità tal-mod kif isir ix-xogħol u ta’ dak li jinbena.

Dan is-settur hemm diversi rwoli importanti li jaħdmu fih, kemm rwoli professjonali kif ukoll rwoli li jeħtieġu snajja’ u ħiliet differenti. Ilkoll għandhom ir-responsabbilitajiet tagħhom fil-mod kif għandu jaħdem dan is-settur. Responsabbilitajiet li bit-tisħiħ fir-regolamenti li qed jiddaħħlu qed jiġu definiti aħjar u li qed jagħtu aktar setgħat ta’ infurzar lill-awtoritajiet. 

Illum l-entita’ li qed issegwi l-ħarsien tar-regolamenti dwar il-kostruzzjoni f’pajjiżna hija l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Din l-Awtorità li twaqqfet fis-sena 2021 qed tingħata aktar poteri u setgħat legali filwaqt li jrid jiġi żgurat li tingħata aktar riżorsi biex issaħħaħ l-operat tagħha partikolarment f’dak li huwa nfurzar. Minn tweġibiet li ngħataw fil-Parlament irriżulta li l-għadd ta’ spezzjonijiet li qed isiru mill-BCA fuq il-lantijiet tax-xogħol żdied drastikament bħalma żdiedu wkoll l-ammonti ta’ penali amministrattivi li qed jeħlu l-kuntratturi li jinstab li ma jkunux qed jaħdmu skont ir-regolamenti. 

Saru wkoll diversi interventi leġislattivi li kellhom l-għan li jkomplu jsaħħu lill-BCA fosthom emendi għal-Liġijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-BCA stess biex funzjonijiet ta’ sorveljar li kienu jaqgħu taħt l-Awtorità tal-Ippjanar issa saru jaqgħu taħt il-BCA. Issaħħu wkoll ir-regolamenti dwar il-protezzjoni li trid tingħata lill-ġirien meta jkunu qed isiru proġetti ta’ kostruzzjoni fil-viċinanzi tagħhom.

Daħlu fis-seħħ ir-regolamenti ġodda dwar il-Liċenzja tal-Kuntratturi u għaddeja konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-Liċenzja tal-Bennejja. Huwa fatt li l-ħidma li twettqet mill-gvern ikkordinata mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wasslet biex bir-regolamenti l-ġodda dwar il-Liċenzja tal-Kuntratturi, l-ebda kuntrattur m’hu se jkun jista’ jaħdem mingħajr ma jkun liċenzjat mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni.

In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fis-settur hija ta’ tħassib għas-settur fejn għad għandna sitwazzjonijiet li kull min kien f’pożizzjoni li jixtri gaffa seta’ jibda jsejjaħ ruħu kuntrattur u jieħu xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew skavar. Dan mhux se jkun aktar possibbli għax issa kull min irid isir kuntrattur irid jirreġistra mal-BCA biex tinħariġlu liċenzja jekk jilħaq il-kriterji tal-liċenzja. 

Il-bidla l-oħra fil-Liċenzja tal-Bennejja hija importanti għax tagħti qafas ġdid lil din il-liċenzja li ilha li ġiet introdotta diversi snin iżda qajla rat bidliet sostanzjali matul is-snin. Il-Liċenzja tal-Bennejja se tkun iġġorr magħha responsabbiltajiet kbar fosthom li l-bennej liċenzjat irid ikun fuq il-lant tax-xogħol u jkun responsabbli għall-bennejja l-oħra li jkunu taħt is-superviżjoni tiegħu għax ma jkunux liċenzjati. 

Ir-riformi fil-qasam tal-kostruzzjoni li mbarka fuqhom il-Gvern  huma tassew riformi kuraġġużi u żgur li kieku ma kienx għall-istinkar tal-Gvern, dawn ir-riformi ma kienux iseħħu. Issa li l-Gvern permezz tal-konsultazzjoni qed isib appoġġ ikbar favur dan it-tibdil, għandu jkompli jimpenja ruħu biex jara li dak li qed isir fuq il-karta, bil-liġijiet fis-seħħ tassew jitwettqu fil-prattika. Il-poplu huwa għatxan li jara s-serjetà u kwalità ogħla f’dan is-settur. Jeħtieġ ukoll li n-nies involuti f’dan is-settur ukoll jagħrfu r-responsabbiltà li għandhom biex flimkien mal-awtoritajiet imexxu ‘l quddiem din il-bidla. 

Ekonomija

Sport