Il-President tal-Gozo University Group (GUG), Matthew Grech, iddeskriva t-tħabbira tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ħolqien ta’ iStudy Hub ġdid f’Għawdex bħala mument kruċjali u wieħed li l-istudenti Għawdxin ilhom jistennew għal snin twal.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Grech qal li dan il-proġett jirrappreżenta mhux biss investiment infrastrutturali, iżda wkoll rikonoxximent ċar tal-bżonnijiet tal-istudenti Għawdxin li jivvjaġġaw jew jistudjaw fuq il-gżira.
“Din hija xi ħaġa li ilha tinbena għal ħafna żmien. Kellna snin ta’ ħidma, laqgħat, diskussjonijiet u proposti konkreti. Illum ninsabu fl-aħħar pass ta’ proċess li bħala GUG ilna nimbuttaw ’il quddiem,” qal Grech.
Il-proġett tal-iStudy Hub, li se jkun ibbażat fil-kampus tal-Università ta’ Malta f’Għawdex, qed jitqies bħala pass importanti lejn titjib fil-kwalità tal-esperjenza edukattiva tal-istudenti Għawdxin. L-ispazju mistenni jinkludi żoni ta’ studju kwieti msejħa silent study areas kif ukoll spazji għal studju fi grupp, b’għan ċar li joffri ambjent modern, funzjonali u aċċessibbli għal kulħadd.
Grech saħaq li għal żmien twil, Għawdex kien nieqes minn spazji ddedikati għal studju li joffru kumdità u funzjonalità għall-istudenti. “Kien hemm nuqqas evidenti ta’ postijiet fejn student jista’ jmur jistudja f’ambjent serju u modern. Ħafna drabi, l-istudenti kienu jispiċċaw jistudjaw f’kafetteriji jew f’postijiet mhux ideali biex wieħed jikkonċentra. Dan il-proġett qed jindirizza propju din il-ħtieġa,” huwa żied jispjega.
Madankollu, għal Grech, dan il-proġett mhuwiex biss dwar il-bini ta’ spazju fiżiku. Huwa jemmen li l-iStudy Hub għandu jkun il-bidu ta’ viżjoni ħafna usa’ li tinkludi ż-żgħażagħ kollha Għawdxin, mhux biss studenti universitarji.
“Bħala GUG nemmnu li dan m’għandux jieqaf hawn. L-ambizzjoni tagħna hija li dan l-ispazju jservi wkoll studenti tal-MCAST, sixth form u anke studenti sekondarji. Irridu li jkun hemm study hub veru, ċentru għaż-żgħażagħ, post fejn wieħed jista’ mhux biss jistudja iżda wkoll jiżviluppa ideat, jiltaqa’ ma’ oħrajn u jikkollabora,” qal Grech.
Huwa kompla jispjega li l-idea hi li dan l-ispazju jinbidel f’“hub ta’ innovazzjoni u kreattività”, fejn żgħażagħ Għawdxin ikunu jistgħu jesprimu ruħhom u jsibu opportunitajiet ġodda. Skont Grech, dan jista’ jkun ukoll mezz kif jitrawwem sens ta’ komunità aktar b’saħħitha fost iż-żgħażagħ.
“Għawdex bħala gżira għandha potenzjal enormi, iżda rridu nagħtu lill-istudenti u liż-żgħażagħ il-mezzi biex jilħquh. Dan il-proġett jista’ jkun il-bidu ta’ kapitlu ġdid,” żied jgħid.
Grech irrikonoxxa wkoll li l-proċess biex wasal dan il-punt ma kienx wieħed faċli. Huwa qal li l-GUG ilha snin twettaq xogħol ta’ lobbying u parteċipazzjoni f’diversi laqgħat mal-awtoritajiet differenti, inkluż mal-Gvern, mal-Università ta’ Malta u mal-Gozo Regional Development Authority.
“Kien hemm ħafna xogħol minn wara l-kwinti. Mhux biss ideat, iżda anke proposti konkreti u diskussjonijiet kontinwi. Illum nistgħu ngħidu li dan ix-xogħol qed iħalli l-frott tiegħu,” spjega.
Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-proġett waqt sessjoni ta’ diskussjoni f’Għawdex bħala parti mill-kungress ‘Malta Aqwa – ikteb il-kapitlu li jmiss’, Grech qal li l-GUG tilqa’ b’mod pożittiv kull investiment li jsaħħaħ l-edukazzjoni u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
“Nilqgħu dawn it-tip ta’ inizjattivi b’mod pożittiv. Kull investiment li jsir fl-edukazzjoni u fiż-żgħażagħ huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Imma għalina bħala GUG, l-importanti hu li dan il-proġett ikun utilizzat kif suppost,” saħaq Grech.
Huwa kompla jgħid li l-isfida vera tibda ladarba l-proġett ikun lest, jiġifieri li l-istudenti fil-fatt jużawh u jagħmluh parti mir-rutina tagħhom ta’ kuljum. “Jekk ma nużawhx, ma nkunux qed nagħtuh il-valur li jistħoqqlu. Għalhekk irridu niżguraw li jkun post attiv u vibranti,” żied jgħid.
Il-proġett tal-iStudy Hub mhuwiex l-unika inizjattiva msemmija mill-Prim Ministru għall-Għawdex. Fost oħrajn, tħabbar ukoll l-installazzjoni ta’ 150 bike rack madwar il-gżira sabiex jiġi promoss trasport sostenibbli, kif ukoll servizz ġdid ta’ fast ferry li se jgħaqqad Sliema, Buġibba u Għawdex.
Grech qal li dawn l-inizjattivi kollha juru li Għawdex qed jibqa’ fuq l-aġenda nazzjonali, iżda saħaq li l-edukazzjoni għandha tibqa’ prijorità ċentrali.
“Għawdex huwa parti importanti mill-ekonomija u mill-iżvilupp tal-pajjiż, iżda l-futur tiegħu jiddependi ħafna fuq iż-żgħażagħ tiegħu. Għalhekk l-investiment fl-edukazzjoni huwa kruċjali,” qal Grech.
Huwa temm l-intervista tiegħu billi saħaq li l-GUG se tibqa’ impenjata biex tkompli ssegwi dan il-proġett u oħrajn simili, sabiex il-vuċi tal-istudenti Għawdxin tibqa’ tinstema’.
Grech saħaq ukoll li l-GUG se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġett sabiex jiġi żgurat li l-Study Hub jissodisfa verament il-bżonnijiet tal-istudenti. Huwa qal li l-organizzazzjoni trid tara li l-faċilitajiet ikunu moderni, aċċessibbli u effettivi għall-istudenti kollha.
Huwa żied li l-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, il-Gozo Regional Development Authority u l-Ministeru għal Għawdex kienet essenzjali biex wasal dan il-punt. Skontu, dan juri kif djalogu kontinwu jista’ jwassal għal riżultati konkreti għall-komunità studenteska Għawdxija.
“Dan huwa biss il-bidu. Jekk dan il-proġett jirnexxi, irridu nibnu fuqu. Il-viżjoni tagħna hi li nkomplu ntejbu l-esperjenza tal-istudenti u noħolqu opportunitajiet ġodda għal kulħadd,” temm jgħid Matthew Grech.

