Monday, April 20, 2026

Impenn globali għall-paċi li jrid ikun akkumpanjat minn azzjoni konkreta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Malta temmen bi sħiħ fil-multilateraliżmu, fid-djalogu u mhux fuq il-vjolenza, fil-liġi internazzjonali u fid-dinjità ta’ kull persuna umana. Nibqgħu konvinti li l-paċi ma tistax tistrieħ fuq l-indifferenza, li s-sigurtà ma tistax tiġi separata mill-ġustizzja u li d-diplomazija għandha dejjem tibqa’ msejsa fuq il-kuxjenza.

“Huwa għalhekk li Malta tkompli tappoġġja ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, kooperazzjoni multilaterali aktar b’saħħitha u paċi ġusta f’żoni ta’ kunflitt, inkluż permezz ta’ appoġġ kontinwu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati u għal soluzzjoni permanenti tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina, u għal paċi bbażata fuq is-sovranità, is-sigurtà, il-legalità u d-dinjità umana.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia meta kien qed jindirizza l-152 Assemblea tal-Unjoni Inter-Parlamentari (IPU) li saret f’Istanbul, it-Turkija. Huwa enfasizza li l-impenn globali għall-paċi, il-ġustizzja u d-dinjità umana jridu jiġu akkumpanjati minn azzjoni konkreta.

L-Ispeaker iffoka wkoll fuq l-irwol importanti tal-Parlamenti fil-promozzjoni tal-paċi u r-responsabbiltà. Huwa qal li l-parlamenti jridu jimxu lil hinn mid-dikjarazzjonijiet u jiffurmaw b’mod attiv ir-riżultati permezz tal-leġiżlazzjoni, is-sorveljanza u l-iskrutinju demokratiku. 

Filwaqt li rrikonoxxa l-progress fil-promozzjoni tal-prinċipji umanitarji u d-diplomazija parlamentari, l-Ispeaker Farrugia wissa li dawn l-isforzi għadhom mhux biżżejjed. Huwa sejjaħ għal kuraġġ u responsabbiltà mġedda fil-ħajja pubblika u saħaq li l-paċi trid tinbena b’mod attiv filwaqt li l-ġustizzja trid tinżamm b’mod konsistenti. 

L-Ispeaker Farrugia temm billi rrijafferma l-impenn ta’ Malta li tkompli tappoġġja l-paċi permezz tad-djalogu, tiddefendi s-saltna tad-dritt u tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali. “U se nibqgħu ninsistu li x-xogħol tal-parlamenti ma jispiċċax meta d-dikjarazzjonijiet jiġu adottati; jibda meta dawk id-dikjarazzjonijiet jiġu rispettati fil-prattika.”

Sadanittant, l-Ispeaker ippresjeda wkoll is-47 sessjoni tal-Kumitat għall-Promozzjoni tar-Rispett lejn il-Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL). Din is-sessjoni saret ukoll fil-qafas tal-152 Assemblea tal-IPU.

Il-Kumitat irreveda l-progress li sar mis-sessjoni preċedenti tiegħu, b’enfasi fuq oqsma ta’ prijorità bħall-kriżijiet umanitarji, l-implimentazzjoni tat-trattati dwar id-diżarm umanitarju, il-promozzjoni tal-IHL, u s-sħubijiet imsaħħa. 

Is-sessjoni ffokat fuq is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora fil-Libanu wara l-eskalazzjoni tal-ostilitajiet f’Marzu 2026. Il-parteċipanti esprimew tħassib serju dwar l-ispustament ta’ aktar minn miljun persuna, numru sinifikanti ta’ vittmi ċivili u ħsarat estensivi fuq l-infrastruttura. 

Il-kontribuzzjonijiet mir-rappreżentanti tal-UNHCR u tal-ICRC enfasizzaw il-ħtieġa urġenti għall-protezzjoni taċ-ċivili u l-osservanza tal-liġi umanitarja internazzjonali. Il-Kumitat qabel li jenfasizza din is-sitwazzjoni fid-diskussjonijiet plenarji.

Il-membri affermaw mill-ġdid ir-rwol kruċjali tal-parlamenti fit-tisħiħ tan-normi umanitarji u fl-appoġġ għal toroq lejn il-paċi, u rċevew aġġornamenti dwar l-Inizjattiva Globali tal-IHL tal-ICRC.

Il-parteċipanti ddiskutew ukoll kif il-Parlamenti jistgħu jfakkru l-75 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tal-1951, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ l-impenn globali lejn il-qafas tal-protezzjoni tar-refuġjati. Il-laqgħa ntemmet b’diskussjonijiet dwar il-pjan ta’ ħidma tal-Kumitat għaż-żmien li ġej u b’aġġornament dwar is-sitwazzjoni fil-Golf.

L-Ispeaker mexxa wkoll sessjoni oħra, li ġabet flimkien diversi parlamentari u esperti, li ffokat fuq it-tisħiħ leġiżlattiv u r-rispons politiku dwar il-kwistjoni tal-istatelessness (nuqqas ta’ ċittadinanza), li hi kwistjoni globali li taffettwa minn tal-inqas 4.4 miljun persuna skont l-UNHCR.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport