Tuesday, May 14, 2024

Rikonoxxut l-impenn tal-awtoritajiet Maltin biex itaffu l-konsegwenzi tal-pandemija

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, żaret pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Stella Kyriakidou bil-għan li ssir taf iktar dwar il-ħidma ta’ Malta l-aktar fir-rigward tal-pandemija kaġunata mill-Covid-19.

Kif kienet hawn, hija ħadet ukoll l-opportunità biex tiltaqa’ ma’ wħud mill-frontliners u kif ukoll ma’ setturi varji tas-soċjetà li kienu qegħdin jieħdu t-tilqima f’wieħed miċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna.

Huwa ta’ sodisfazzjon għal Malta li l-Kummissarju Kyriakidou kellha kliem ta’ tifħir għall-mod kif pajjiżna kien fost l-ewlenin li rnexxielu jfassal programm ta’ tilqim b’saħħtu biex itaffi ħafna mill-konsegwenzi tal-pandemija fosthom il-ħarsien tas-saħħa tal-poplu u biex jimminimizza kemm jista’ jkun l-imwiet relatati mal-virus.

Tul iż-żjara tagħha, hija rat ukoll il-faċilitajiet u l-kura li jingħataw miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo lil pazjenti morda bil-kanċer li f’dan il-qasam ma naqsitx ukoll milli tfaħħar il-faċilitajiet eżistenti f’dan iċ-ċentru. 

Huwa ta’ sofisfazzjon ukoll għall-pajjiżna li l-Kummissarju Kyriakidou apprezzat l-appoġġ li Malta tat għall-proposti Ewropej għas-saħħa li wasslu biex twaqqfet l-Awtorità għat-Tħejjija u r-Rispons f’każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA). Awtorità Ewropea li se tgħin lill-UE tkun ippreparata iżjed għall-kriżijiet tas-saħħa simili għall-Covid-19 li jistgħu jinqalgħu fil-futur. 

Jidher li pajjiżna ħiereġ bil-mod il-mod mill-pandemija kif jixhdu wkoll ir-rilaxx li se jsir fil-jiem li ġejjin mir-restrizzjonijiet li kienu fis-seħħ. Nemmnu li dan kollu se jerġa’ jibda jagħti spinta lil setturi ekonomiċi u kulturali biex jerġgħu jieħdu r-ruħ. Huwa ttamat li dan jirrifletti tajjeb anke fuq il-finanzi tal-pajjiż.

Il-fatt li pajjiżna għandu aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni adulta mlaqqma wkoll bil-booster dan għandu jimlina b’ottimiżmu għall-ġejjieni u għalhekk għandna nħarsu ‘l quddiem biex inkunu f’pożizzjoni, anke jekk inkunu għadna ma ħlisniex għalkollox mill-pandemija, sabiex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem ekonomikament u soċjalment.

Sport