Friday, November 29, 2024

Rikonoxxuta l-ħidma tas-suldati Maltin li servew fil-missjoni ta’ żamma ta’ paċi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu

Aqra wkoll

“F’isem il-poplu Malti u Għawdxi ngħidulkom grazzi. Id-dedikazzjoni u l-kuraġġ tagħkom waqt li kontu qegħdin isservu f’dan il-perjodu diffiċli minħabba s-sitwazzjoni attwali fil-Libanu, jixhdu perfettament il-prinċipji ta’ dmir u ta’ unur. Il-ħidma li wettaqtu għaż-żamma tal-paċi f’din il-missjoni għamlitna kburin bħala Maltin u biha komplejtu ssaħħu isem pajjiżna fuq livell internazzjonali.”

Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’diskussjoni informali li kellu mad-disa’ suldati li servew f’missjoni ta’ paċi tan-Nazzjonijiet Uniti, magħrufa bħala UNIFIL, fil-Libanu fis-sitwazzjoni attwali. Irrimarka li l-parteċipazzjoni ta’ dawn is-suldati f’din il-missjoni għaż-żamma ta’ paċi hija waħda volontarja u għalhekk faħħar lil dawn is-suldati li b’determinazzjoni resqu ‘l quddiem biex jagħtu s-servizz tagħhom. Esperjenza li fi kliemhom mhux biss saħħet il-ħiliet tagħhom bit-taħriġ li ngħataw iżda wkoll tathom esperjenzi u valuri li ser isarrfuhom f’servizz aqwa waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

Il-Ministru Camilleri rrikonoxxa wkoll il-ħidma li wettqu suldati Maltin oħra fil-Libanu hekk kif pajjiżna permezz tal-Forzi Armati ta’ Malta ilu jikkontribwixxi għall-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) b’tim ta’ suldati min-Novembru 2018. Din il-forza għandha rwol importanti b’mandat min-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi fir-reġjun. Is-suldati kollha jipparteċipaw fuq bażi volontarja u wara proċess ta’ għażla, jingħataw taħriġ rigoruż kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Il-kontribut Malti qed ikompli jingħata hekk kif tmien suldati oħra bħalissa jinsabu l-Libanu jkomplu fuq il-ħidma li wettqu l-kollegi tagħhom. Il-Ministru Camilleri tenna li dawn, flimkien mas-suldati l-oħra li jinsabu fuq missjonijiet differenti f’pajjiżi oħra, dejjem se jibqgħu jsibu lill-gvern ta’ spalla magħhom u jagħtihom l-appoġġ kollu meħtieġ. 

Waqt li rrefera għall-opportunitajiet li llum is-suldati Maltin għandhom mhux biss f’Malta iżda anke barra mill-pajjiż, fosthom dawk ta’ taħriġ, innota kif qegħdin isarrfuhom f’servizz aqwa. L-istess bħalma hu jsarraf l-investiment li qed isir fil-kundizzjonijiet tagħhom u fir-riżorsi li jużaw. Fil-fatt, illum il-baġit għall-pagi tas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta jlaħħaq il-€75 miljun fis-sena, b’aktar minn €10 miljun huma investiment fit-titjib tal-kundizzjonijiet u tal-benefiċċji li joħorġu mill-ftehim settorjali li ġie ffirmat f’Novembru 2020. Ftehim li wassal biex kull suldat jitla’ skala u għalhekk, filwaqt li jgawdi minn paga aqwa, beda jgawdi żidiet sostanzjali fl-allowances. Dan filwaqt li llum is-suldati qegħdin jingħataw ukoll ħlastijiet tal-extra duties, titjib li ser jirrifletti wkoll fil-pensjoni tagħhom. 

Is-sena 2025 se tfisser ftehim settorjali ġdid għall-Forzi Armati ta’ Malta li se jkompli jsaħħaħ dak preċedenti, li flimkien mal-investiment kontinwu fir-riżorsi tal-AFM fosthom bl-ewwel Ċentru Operattiv tal-ogħla livell, qiegħed iwassal ukoll biex aktar persuni jersqu lejn din il-karriera.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton J O’Neill, tenna li l-familjari ta’ dawn is-suldati, sħabhom u l-kollegi tagħhom għandhom tassew għalfejn ikunu kburin bihom għall-professjonalità u r-reżiljenza li wrew. Huwa kkonkluda, “Ġbidtu rispett kbir minn kapijiet ta’ armati oħrajn fejn jirrikonoxxu l-importanza ta’ din il-missjoni tal-UNIFIL u jfaħħru l-involviment u l-impenn tagħna bħala Forzi Armati ta’ Malta għall-ħidma favur reġjun aktar stabbli”.

Id-disa’ suldati Maltin ingħataw rikonoxximent mill-Ministru Byron Camilleri bħala turija ta’ apprezzament għas-servizz li taw f’isem Malta. 

Sport