Monday, January 27, 2025

Rinnovat ċentru tal-għaqda ŻAK b’għajnuna finanzjarja mill-iskema NGO Co-Financing Fund

Aqra wkoll

L-Azzjoni Kattolika Maltija fiż-Żurrieq (ŻAK) ibbenefikat minn fondi tal-NGO Co-Financing Fund, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Dawn il-fondi għenu sabiex proprjetà li għandhom fiż-Żurrieq, li ġarrbet xi ħsarat, saritilha manutenzjoni u rinnovazzjoni infrastrutturali estensiva sabiex terġa’ tkun sigura u akkoljenti għall-ħidma li qed issir minn din l-għaqda, sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’laqgħat u attivitajiet tal-grupp li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ħolistiku tagħhom.


Waqt żjara, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo, raw ix-xogħol li sar f’dan iċ-Ċentru.

L-NGO Co-Financing Fund tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. L-applikazzjonijiet għall-iskema għal din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2025 f’nofsinhar.

Apparti l-NGO Co-Financing Fund, l-Azzjoni Kattolika Maltija applikat b’suċċess għal diversi fondi oħra inkluż taħt Miżura 2: Strengthening a Healthy Cultural Identity tal-programm Leader amministrat mill-Gal Xlokk Foundation u mill-iskema Irrestawra Darek maħruġa mill-Planning Authority, biex wettqet ukoll xogħlijiet ta’ restawr tal-aperturi tal-faċċata.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif għaqdiet volontarji bħal ŻAK u oħrajn, ser jibqgħu isibu f’dan il-Gvern spalla ta’ għajnuna. “Il-Gvern se jibqa’ jassisti organizzazzjonijiet volontarji li jagħmlu differenza fil-komunità tagħna. Proġetti bħal dawn tal-lum, li jiġu mwettqa grazzi għall-appoġġ ta’ fondi pubbliċi, huma prova ċara tal-impenn tagħna li nappoġġjaw ix-xogħol dedikat tal-organizzazzjonijiet volontarji.

Dawn l-organizzazzjonijiet huma l-qalb li tħabbat tas-soċjetà tagħna, li jagħtu ħin, enerġija u passjoni biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u oħrajn b’mod ġenerali. Dan il-Gvern jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ biex dawn il-proġetti jieħdu l-ħajja, għax nemmnu bis-sħiħ li bil-kollaborazzjoni u d-dedikazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, u l-appoġġ tal-Gvern, nistgħu nwettqu bidliet pożittivi,” temmet tgħid il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Mauro Pace Parascandolo qal li dan il-proġett jixhed il-kollaborazzjoni mhux biss bejn l-għaqdiet u entitajiet, iżda wkoll bejn fondi u skemi differenti li lkoll jgħinu sabiex jitwettqu proġetti mill-oqsma kollha tas-settur tal-volontarjat fil-komunità.

Il-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) Marija Cachia esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-mexxejja tal-AKM u ż-ŻAK, li tul għexieren ta’ snin, offrew il-ħin u l-ħiliet tagħhom volontarji biex jiżviluppaw komunità ta’ individwi impenjati għall-ġustizzja soċjali. Ir-rinnovazzjoni taċ-Ċentru taż-ŻAK fiż-Żurrieq kien possibbli biss permezz ta’ fondi lokali u tal-Unjoni Ewropea li huma disponibbli għall-għaqdiet volontarji bħalma hi l-AKM.

Preżenti wkoll waqt iż-żjara kien hemm is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, Rita Grima, il-President taż-ŻAK, Michela Baldacchino, u Mario Calleja, Viċi-Chairman tal-Fondazzjoni GAL Xlokk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport