Saturday, December 21, 2024

Rinnovazzjoni tal-binja tad-DIER: Uffiċini attrezzatti aħjar u aktar aċċessibbli

Aqra wkoll

“L-investiment ta’ kważi €700,000 għal dan il-proġett juri biċ-ċar l-impenn tal-Gvern li joħloq ambjent aħjar fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati tad-Dipartiment, filwaqt li jkompli jingħata servizz tal-ogħla kwalità lill-pubbliku.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul hekk kif tlesta l-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-binja li se sservi bħala l-uffiċini tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER) fil-Belt Valletta.

Din il-binja se tkun qed tospita wkoll l-impjegati li huma responsabbli mill-amministrazzjoni tat-Tribunal Industrijali. Dawn se jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom kmamar privati u aktar aċċessibbli għall-ħaddiema, għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u għal min iħaddem, bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-operat ta’ dan it-tribunal.

Is-segretarju parlamentari kompla jispjega li qabel ma sar dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni, l-uffiċini ma kinux aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u l-mod kif il-binja kienet strutturata ma kienx joffri l-privatezza meħtieġa sabiex il-pubbliku jinqeda bl-aħjar mod possibbli.

Huwa rringrazzja lid-Direttur Ġenerali Diane Vella Muscat, kif ukoll lill-impjegati tad-dipartiment għall-ħidma tagħhom u għax-xogħol siewi li kontinwament qed jagħmlu ma’ min jirrikorri għal xi gwida, appoġġ u riżoluzzjoni fi żminijiet ta’ bżonn.

“Inħeġġeġ lill-impjegati u lil min iħaddem biex jibqgħu jagħmlu użu mis-servizzi tad-DIER bil-għan li flimkien nżommu l-postijiet tax-xogħol mibnija fuq prinċipji ta’ ġustizzja, rispett u inklussività,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Ekonomija

Sport