It-tifel tal-eks membru parlamentari Laburista Silvio Parnis, Jacob Parnis, għandu għal qalbu ħafna l-futbol u jilgħab mat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Tarxien Rainbows.
F’partita kontra Mġarr United, li ntlagħbet fil-grawnd tas-Siġġiewi u li t-Tarxiniżi rebħu bl-iskor ta’ 2-0, Jacob, iddedika din ir-rebħa lil missieru.
Qabel il-logħba, f’ġest ta’ solidarjetà, sħabu nġabru miegħu b’tislima lejn missieru li miet fl-età ta’ 57 sena.
Jacob ħareġ fil-grawnd liebes flokk abjad b’messaġġ fuqu li kien jaqra “RIP Papà Inħobbok”. Sħabu fit-tim ukoll libsu flokk bil-kliem ‘Silvio’, biex juru rispett lejn il-memorja ta’ missier il-ħabib tagħhom fit-tim.
Silvio Parnis miet fit-3 ta’ Jannar wara xi xhur jikkumbatti l-marda tal-kanċer.