Friday, May 3, 2024

Il-Pulizija Maltija b’uniformi ġdida mil-lejla

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fis-6.00 p.m. tal-lejla, se tkun qiegħda tiġi varata l-uniformi l-ġdida għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Uniformi li mistennija tagħti aktar kumdità lill-membri tal-Korp waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, l-Ugwaljanza u r-Riformi Byron Camilleri spjega li din l-unifomi se tkun aktar adattata għall-klima tagħna u fuq kollox hija wkoll gender neutral. 

“Din hija miżura oħra ta’ tiġdid fil-Korp. Tiġdid kontinwu li għandu jwassal għal Korp aktar motivat u mgħammar b’apparat modern,” qal il-Ministru Camilleri. “Jidher biċ-ċar li l-investiment fil-Korp se jibqa’ għaddej.”

Kien hawn fejn irrimarka kif għal darba oħra, meta wieħed jara r-riżultati għas-sena li għaddiet, isib li reġa’ kellna tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità. Qal li jidher li kien hemm tnaqqis ta’ serq mill-bajjiet u ristoranti iżda mill-banda l-oħra kien hemm żieda fir-rapporti ta’ vjolenza domestika ta’ madwar 5%.

Il-Ministru Camilleri tenna li t-tibdil u t-tiġdid qed iwassal għar-riżultati, mhux biss fit-tnaqqis fir-rata tal-kriminalità imma wkoll fiż-żieda fil-fiduċja tan-nies. 

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li din l-uniformi se tipprovdi aktar prattiċità lill-membri tal-Korp iżda fuq kollox aktar kumdità u sigurtà. “Hija uniformi li tagħtina identità. Uniformi li huwa ttamat li tkompli tqarribna aktar lejn il-komunitajiet tagħna. Dan huwa investiment sostanzjali li jaqbeż iż-€2 miljun,” qal Gafà.

“Persważ li dan l-investiment li qed inħabbru llum, li jikjumplimenta investimenti oħra fl-aħħar xhur, se jkompli jgħolli l-moral u jimmotiva lill-membri tal-Korp,” tenna l-Kummissarju tal-Pulizija.

Sport