Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]
L-imħatri eċċessivi, jew il-vizzju tal-logħob tal-azzard jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa mentali. Għalkemm għal xi nies il-logħob tal-azzard jista’ jkun divertiment, għal oħrajn jista’ jsir problema serja li twassal għal disturbi psikoloġiċi. Il-problema tipprogressa bil-mod, fejn il-persuna tibda bi mħatri żgħar u tispiċċa fil-fond tad-dipendenza.
Din id-dipendenza tista’ twassal għal ansjetà u frustrazzjoni, li flimkien man-nuqqas ta’ awto-kontroll, jikkawżaw ħsara kbira lis-saħħa mentali. It-telf kontinwu u l-pressjoni biex jirbħu lura flus jikkawżaw tensjoni mentali kbira li tista’ tiddeterjora l-emozzjoni tal-persuna.
Il-konnessjoni bejn dipendenza u ansjetà
Il-vizzju tal-imħatri hu marbut ma’ livelli għoljin ta’ ansjetà. Il-persuni affettwati jsibu ruħhom jaħsbu kontinwament dwar kif jirbħu lura l-flus jew jibqgħu jilagħbu biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom. Dan il-proċess joħloq stress kontinwu, li jista’ jwassal għal attakki ta’ paniku u ansjetà kostanti. Persuni b’din id-dipendenza huma wkoll aktar suxxettibbli għal ansjetà soċjali, peress li ħafna drabi jkollhom jgħattu l-vizzju tagħhom biex jevitaw il-ġudizzju tal-oħrajn.
Din il-pressjoni toħloq spirali ta’ tensjoni emozzjonali, li tkompli tħarbat l-istat mentali tagħhom.
Dipressjoni u effetti fuq l-awto-stima
Il-vizzju tal-imħatri jwassal għal tnaqqis fl-awto-stima u dipressjoni. It-telf finanzjarju ripetut joħloq ħtija u sens ta’ falliment personali. Persuni li jagħmlu imħatri eċċessivi ħafna drabi jħossuhom ħatja u jikkunsidraw lilhom infushom falliment, speċjalment meta ma jkunux jistgħu jirkupraw mit-telf finanzjarju. Dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ tama u f’każijiet severi, għal ħsibijiet suwiċidjali. L-istat ta’ tqanqil emozzjonali kostanti li jħossu jagħmilha diffiċli biex jaraw triq ‘il quddiem, speċjalment jekk it-telf finanzjarju jkun gravi.
L-importanza tal-għajnuna u s-sapport
Huwa essenzjali li dawk affettwati mill-imħatri eċċessivi jingħataw l-appoġġ meħtieġ kemm minn professjonisti kif ukoll mill-familja. L-intervent bikri jista’ jgħin biex jiġu evitati l-konsegwenzi gravi fuq is-saħħa mentali. Trattament professjonali u terapija jistgħu jkunu strumenti effettivi biex jingħataw l-għodda neċessarja biex jilqgħu kontra l-problema. Permezz ta’ sapport kontinwu jistgħu jiġu evitati l-ansjetà u dipressjoni severa.
www.rgf.org.mt