Monday, May 13, 2024

RISPETT DEJJIEMI LEJN IN-NISA MHUX BISS F’JUM IL-MARA BISS

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, id-dinja tfakkar jum il-mara u l-kontribut tagħha partikolarment fil-binja tal-familja li hija s-sisien ta’ kull soċjeta. Illum, il-mara mhux biss qed tikkontribwixxi fis-soċjeta’, imma wkoll fil-qasam ekonomiku wara l-avvanzi li saru u l-inkoraġġament sħiħ biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Minkejja dawn l-avvanzi li n-nisa għamlu f’kull qasam tal-ħajja matul iż-żmien u mxew il-quddiem anki fil-karriera li jkunu għażlu, xorta waħda għad hawn stigma fuq nisa miżżewġin li minkejja r-responsabbilitajiet li għandhom fil-familja, jagħżlu wkoll li jipparteċipaw f’oqma oħra, fosthom il-politika. 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, fuq programm televiżiv, kompliet tikxef beraħ din l-istigma meta żvelat li għax qed tistenna tarbija ħafna kienu dawk li staqsewha kif se jirnexxielha trabbi tarbija fl-istess li trid tlaħħaq mal-obbligi politiċi tagħha. 

B’kuntrast għal dak li ġiet mistoqsija hi, l-kollegi tagħha rġiel, li ukoll għad kemm kellhom it-trabi ġodda fil-familja tagħhom, ma ġew qatt mistoqsija dan kollu. Dan juri biċ-ċar kif ċertu stigmi għadhom preżenti fis-soċjeta Maltija u għalhekk nemmnu li għandna naħdmu iktar sabiex din tittranġa.  

Nemmu wkoll li minkejja li n-nisa jinsabu f’livell aktar avvanzat minn ta’ qabel, xorta għad fadal sfidi li jeħtieġ ikomplu jiġu ndirizzati. Il-vjolenza domestika hija waħda minn dawn l-isfidi kbar. L-istatistika qed turi li każi ta’ vjolenza domestika u aggressjoni kontra n-nisa qed jiżdiedu u mhux jonqsu.

Hawnhekk ta’ min jistaqsi jekk din ir-realta hijiex dovuta għaliex kiber l-għarfien ta’ din il-problema u iktar nisa qed ikollhom il-kuraġġ li jirrappurtaw dak li jkunu għaddejjin minnu jew inkella l-każijiet hyux jiżdiedu verament. Fil-fatt statistika ta’ sentejn sentejn ilu turi li kien hemm madwar 3,100 persuna fittxew l-għajnuna minħabba vjolenza domestika. Minn banda huwa pożittiv li aktar nisa qed jersqu għall-għajnuna iżda mill-banda l-oħra dawn il-figuri juruna wkoll il-wiċċ ikraħ tal-vjolenza domestika.

Għad jonqos xi jsir mhux biss biex jikber ir-rispett veru lejn in-nisa imma wkoll biex tintlaħaq ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi mhux biss f’dawk li huma drittijiet ċivili imma wkoll drittijiet f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn in-nisa għadhom ikunu diskriminati fil-pagi u fl-opportunitajiet ta’ avvanz f’karigi ogħla.

Sport