Friday, December 13, 2024

RISPETT LEJN IL-KORP TAL-PULIZIJA

Aqra wkoll

Spiss jekk f’xi inċident, kemm jekk f’mumenti ta’ emerġenza, kemm jekk inħossuna f’periklum, infittxu l-għajnuna tal-Pulizija. Minn naħa l-oħra sfortunatament kien hawn żmien fejn dawn in-nies, ma kinux rikonoxxuti tal-ħidma siewja tagħhom. Iva nemmnu li nistgħu nirreferu għalihom b’dan il-mod mhux b’nuqqas ta’ rispett, iżda biex nisħqu dwar id-dinjità tagħhom li sfortunatament ġieli jispiċċaw jiċċaħdu minnha bl-imġiba ta’ uħud li jkollhom jaffrontaw fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

Ma ninsewx li anke minħabba l-fatt li dawn huma nies bħalna, jkun hemm min jwarrab għal kollox ir-rispett tal-uniformi li jilbsu meta mitlub biex jikkopera magħhom. Mhux l-ewwel darba li smajna dwar uffiċjali li sfaw aggrediti, migdumin, jew attakkati b’nuqqas ta’ etika kbira mill-pubbliku. 

Tajjeb li nfakkru li sa ftit tax-xhur ilu, kellek sitwazzjoni ta’ uffiċjali li ħadmu sigħat twal wara l-ħin u baqgħu mingħajr ħlas tagħhom. Tkarrbu fuq li tkarrbu għal dak li hu tagħhom, iżda kif jgħidu l-bidla tagħti t-tama. Qabel l-2013 saħansitra kienu ngħataw raġun li kellhom jibqgħu bih b’ta’ jdejhom f’idejhom. Iżda dawn baqgħu jisħqu dwar l-inġustizzja li kienet saret jew kienet għadha qiegħda ssir magħhom. Wara numru ta’ snin, dawn l-inġustizzji ġew indirizzati u sar investiment f’dawn in-nies u għenhom jgħollu rashom mill-ġdid waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-ħidma hija waħda kontinwa. Bħalma dawn in-nies joħorġu kuljum biex iservu lill-komunità, huma għandhom jingħataw l-apparat meħtieġ u kundizzjonijiet li jixirqulhom biex ngħixu f’komunità aktar armonjuża. L-aktar riċenti kienet il-konferma li ħarġet fl-aħħar sigħat rigward l-introduzzjoni ta’ uniformijiet ġodda li mistennija ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-uffiċjali skont Għan Strateġiku 8 tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija.

Nemmnu li baqa’ xi jsir jekk verament irridu nattiraw aktar żgħażagħ lejn din l-uniformi. Li hu żgur hu li fl-aħħar sentejn, aktar minn qatt qabel, il-Korp tal-Pulizija kiseb ċertu rispett mill-pubbliku. Il-poplu żied il-fiduċja fih. 

Ekonomija

Sport