Saturday, December 21, 2024

RISPETT LEJN XULXIN

Aqra wkoll

Wara xahar ta’ kampanja elettorali, li fiha iż-żewġ partit ewlenin spjegaw il-proposti tagħhom għax-xhur li ġejjin, il-poplu tagħna tefa’ il-vot tiegħu. Din il-kampanja kienet waħda kwieta ħdejn kampanji  elettorali oħra. Minkejja li kienet kampanja kwieta, affettwata kemm mill-Covid19 u anke mit-tħassib tal-gwerra fl-Ukrajna, xorta waħda f’din il-kampanja esperjenzajna il-mibegħda. Tgħajjir, kummenti dispreġjattivi lejn naħa u lejn oħra. Kummenti iebsa. Individwi li jixtiequ d-deni lil nies oħra sempliċiment għax għandhom opinjoni politika differenti — għax jappoġġjaw lill-partit oppost.

Wieħed jifhem li f’kampanja elettorali, u fit-taqtiegħa għall-voti, dak li jkun l-emozzjonijiet jiġru bih. Żgur imma li mhux aċċettabbli jinxterdu kummenti ta’ mibegħda minn individwi partikolari. Kummenti li jikkawżaw feriti li ma jmorrux malajr. 

Kemm se ndumu ma nitgħallmu biex niġġieldu l-argumenti u mhux il-persuni?  Kemm se ndumu ma nifhmu li għandna niddibattu u iva mela le niddibattu b’qawwa, fuq il-prinċipji u fuq dak li nemmnu. Biex isir dan imma m’hemmx għalfejn nużaw kliem ta’ mibegħda. M’hemmx għafejn nużaw kliem dispreġjattiv u li jweġġgħa.  Mhux se noqogħdu nsemmu x’inkiteb u x’intqal, imma dak li rajna fl-aħħar jiem minn xi individwi, juri li għad fadlilna ħafna x’naqdfu f’dak li hu r-rispett reċiproku lejn xulxin. 

Nemmnu li kulħadd f’pajjiżna għandu id-dritt li jargumenta u jiġġieled għall-prinċipji li jemmen fihom. Il-battibekki għandhom ikunu fuq is-sustanza u mhux attakki personali. 

Propju dalgħodu se nkunu nafu l-għażla li għamel il-poplu. Lil min għażel biex imexxih għal ħames snin li ġejjin.

Ikun żball, jekk wara dak imħabbar dalgħodu nibqgħu nħarsu lejn il-passat u lejn dak li seħħ fl-aħħar jiem.  Nemmnu li wara  llum il-poplu Malti u Għawdxi għandu jħares ‘l quddiem. Jingħaqad u mhux jinfired. L-isfidi li se jiffaċċja l-pajjiż fix-xhur li ġejjin, jitolbu li l-pajjiż għandu jkun magħqud u mhux mifrud. Ma jfissirx li ma niddibbattux. Ma jfissirx li ma ssirx kritika. 

Irridu imma, ikun x’ikun ir-riżultat, naraw li nirrispettaw lil kulħadd. Kemm naħa u kemm oħra. Dan irid isir bil-kliem, bl-għemil.  Nemmnu li l-poplu tagħna għandu jara li ma jħalli xejn jifirdu. Nifhmu li iva se jibqa’ jkun hemm individwi li jkebbsu l-firda għax hekk ikun jaqbel f’dak il-mument. 

Nemmnu li dan għandu jiġi injorat.  Illum, aktar minn qatt qabel, qegħdin naraw li l-politika negattiva qed tiġi imwarrba u mormija mill-poplu. Il-poplu mhux interessat aktar li jara in-negattività. Il-poplu u forsi fl-aħħar sentejn aktar minn snin oħra, irid jisma’ bil-pożittiva. X’se nkunu qed nagħmlu biex intejbu l-ħajja u l-kwalità tal-ħajja. Li nirrispettaw li xulxin, u nwarrbu l-firda, ukoll iwassa għal ħajja aħjar.

Spiss nisimgħu x’seta’ tana l-pajjiż, jew x’seta’ tana l-gvern. Spiss nisimgħu min jgħid li jixtieq ħaġa jew oħra. Nemmnu li lil hinn minn dan, kull wieħed u waħda minnha irid iżomm ħaġa waħda f’moħħu – din hi dik li mhux jistaqsi x’jista’ jagħmel il-pajjiż għalih jew x’se jagħtih, imma għandna nistaqsu aħna x’se nagħmlu għal pajjiżna. Kif se nikkontribwixxu aktar biex dan pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem. Nemmnu li għandna nibdew l-ewwel billi verament ikollna rispett lejn xulxin..

Ekonomija

Sport