Saturday, December 14, 2024

RISPETT LEJN XULXIN FIT-TOROQ GĦAL INQAS INĊIDENTI

Aqra wkoll

Skont statistika ppubblikata riċenti mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, żdiedu l-inċidenti li ġew irrappurtati kif ukoll dawk li weġġgħu fl-istess inċidenti meta mqabel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. L-istatistika turi li l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku fit-tieni kwart tas-sena kienu jlaħħqu l-4,240, żieda ta’ 18 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. 

Ma jistax jonqos li fost l-ewwel raġunijiet li jistgħu jibdew ifeġġu fuq fomm il-pubbliku huwa l-fatt li qiegħda tkompli tikber il-popolazzjoni jew il-fatt li l-karozzi qegħdin ikomplu jiżdiedu kuljum fit-toroq tagħna. Nemmnu li minkejja li statistiċi oħrajn jikkonfermaw dawn iż-żidiet, ma nistgħux nieqfu hemm. Kull persuna għandha tkun responsabbli tal-azzjonijiet tagħha għax kull individwu li jonqos milli jagħmel dan ikun qiegħed ipoġġi lil ħaddieħor fil-periklu. 

Fl-Omelija tiegħu fl-aħħar tislima lil Antoine Degabriele – l-aħħar vittma ta’ inċident tat-traffiku fiż-Żejtun – il-Kanonku George Spiteri kellu kliem iebes dwar dan is-suġġett. Huwa tkellem dwar il-bżonn li jirrenja s-sens komun ta’ x’għandu jsir biex jiġu evitati ċertu inċident. Filwaqt li rrikonoxxa titjib fl-infrastruttura, huwa saħaq li għad fadal ħafna xi jsir biex it-toroq tagħna jkunu aktar siguri. Huwa tkellem ukoll dwar l-imġiba tas-sewwieqa u li sfortunatament minħabba negliġenza riżultat ta’ soċjetà ta’ x’jimpurtani qegħdin ikomplu jintilfu l-ħajjiet.

Skont l-istatistika tal-inċidenti tat-traffiku fl-istess perjodu, Is-sitt fatalitajiet tat-traffiku li seħħew fit-tieni kwart tas-sena kienu kollha rġiel u kienu jinkludu tliet sewwieqa u tliet persuni oħra li nzertaw mixjin fit-triq fil-ħin tal-inċident.

Mingħajr ma nidħlu fil-mertu tal-każijiet rispettivi, dan jikkonferma l-bżonn li kulħadd ikun responsabbli. Ma nemmnux li huma biss l-awtoritajiet li jistgħu jnaqqsu l-inċidenti b’infrastruttura aħjar tat-toroq u billi jiżdiedu l-ispeed cameras. Nemmnu li b’aktar rispett nistgħu nnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku. 

Waqt is-sewqan is-sewwieq jeħtieġ ikun iffukat fuq it-triq, għandu josserva r-regolamenti tat-traffiku u juri rispett lejn sewwieqa oħrajn fost miżuri oħra. Min-naħa l-oħra, il-bqija tal-pubbliku jeħtieġ li jikkonforma hu wkoll. B’mod speċjali dawk li jipprattikaw xi forma ta’ sport fit-toroq tagħna, jeħtieġ li jħarsu saħħithom mingħajr ma jkunu ta’ periklu għas-sewwieqa billi fost l-oħrajn jużaw il-bankini u jaqsmu b’attenzjoni.

Jeħtieġ li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u anke nżidu l-edukazzjoni b’rabta mas-sigurtà fit-toroq. Jeħtieġ li din il-ħidma tibda llum qabel għada, għax aktar kemm nifhmu malajr dwar il-bżonn li nipproteġu lil xulxin, aktar inkunu f’pożizzjoni li nnaqsu r-rapporti tal-inċidenti li sfortunatament qegħdin ikompu jiżdiedu.

Ekonomija

Sport