Friday, October 4, 2024

RISPETT REĊIPROKU ANKE FIL-EUROPRIDE

Aqra wkoll

Il-programm ta’ attivitajiet b’rabta mal-EuroPride se jingħata bidu għalih nhar il-Ħamis li ġej. Il-preparamenti issa ilhom għaddejjin ix-xhur u kollox jinsab lest biex Malta tospita d-29 edizzjoni tal-EuroPride, li bla dubju ta’ xejn se tkun ċelebrazzjoni tal-imħabba u tal-avvanzi li saru favur l-ugwaljanza.

Imma fuq il-mezzi soċjali, bħalma jiġri dejjem, issib min ikun kritiku anke b’mod negattiv lejn dak li jkun ser isir. Mhux b’inqas għall-EuroPride fejn il-kummenti ma naqsux. Ngħiduha kif inhi, il-kritika sakemm tkun waħda kostruttiva ma fiha xejn ħażin. Li iżda mhux aċċettabbli meta din issir biex tiżżuffjetta b’ħaddieħor, f’dan il-każ il-komunità LGBTIQ+, jew agħar minn hekk tgħajjar lil dak li jkun.

“Karnival litteralment”. “X’importanza fiha… din ħamallata”. “Tkun gay u jagħmlulek festa”. Dawn kienu wħud mill-kummenti li ttellgħu fuq il-midja soċjali wara li ġie mħabbar il-programm uffiċjali li se jsir bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru li ġej. Kummenti li jixhdu kemm għad fadal xi jsir biex tassew jitwassal il-messaġġ li aħna lkoll ugwali, irrispettivament mill-ġeneru. Irridu nirrokonoxxu li l-EuroPride llum sar drawwa fil-pajjiżi tal-Ewropa. Bl-istess argument dan ma jistax isir ukoll f’Malta?

Kien proprju Gvern Laburista li introduċa riformi storiċi fil-qasam tad-drittijiet ċivili u qiegħed jara li jkompli jsaħħaħhom aktar. Dan qed isir ukoll permezz ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni għall-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ, li tfittex li tindirizza dawk l-oqsma fejn jeħtieġ li ssir iżjed ħidma fuqhom. Għandna għax nifhmu li waqt il-EuroPride ukoll se tingħata attenzjoni speċjali lis-saħħa mentali b’servizzi ta’ appoġġ lil min jeħtieġhom.

Fl-isfond ta’ dan kollu nemmnu li wieħed għandu joqgħod attent x’jikteb jew jikkummenta fuq il-midja soċjali. Dan għaliex persuna ma tafx kif teħodha u wisq aktar il-komunità li tista’ tappartjeni fiha. Irridu għalhekk naħsbu f’għajrna u nkunu ta’ għajnuna għall-oħrajn u mhux niġġudikaw.

Il-midja soċjali filwaqt li għandha rwol x’tilgħab fil-ħajja taċ-ċittadini, partikolarment it-twassil tal-informazzjoni u l-espressjoni ħielsa, b’danakollu ma jfissirx li dan il-mezz ta’ komunikazzjoni għandu jiġi abbużat b’diskorsi u kliem ta’ mibegħda. L-espressjoni ħielsa ma tfissirx li xi ħadd għandu jinsulenta bl-addoċċ lil ħaddieħor. Għalhekk l-appell tagħna huwa li l-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom jiġu wżati b’diċenza u b’rispett lejn l-opinjonijiet opposti fi kwalunkwe ċirkostanza.

Sport