Sunday, December 22, 2024

Rispons pożittiv għall-proposta ta’ Metro f’pajjiżna

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nixtieq nara diskussjoni nazzjonali… il-pubbliku jixtieq jara proġett ta’ trasport tal-massa għal Malta” – il-Ministru Ian Borg

“Sa issa r-rispons li kellna dwar il-proposta ta’ Metro għal pajjiżna kien dak li kont qed nistenna. Il-pubbliku jixtieq jara proġett ta’ trasport tal-massa għal Malta.”

Hekk sostna l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu minn L-Orizzont waqt briefing tekniku għall-ġurnalisti b’rabta ma’ dan il-proġett. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja u esperti barranin mill-kumpanija ARUP.

Proprju s-Sibt li għadda, ġew ippreżentati r-riżultati tal-istudju dwar il-proposta ta’ Metro f’pajjiżna. Skont l-istudju li ilu għaddej diversi snin, qed ikun propost li Malta jkollha 3 linji u 25 stazzjoni bil-metro li tkun tkopri parti kbira tal-pajjiż u tingħaqad mas-sistema tat-trasport pubbliku.

Dalgħodu, fi Pjazza Tritoni, fejn intramat esebizzjoni bl-użu tal-virtual reality biex wieħed jara kif tkun jekk issir metro f’pajjiżna, il-ġurnalisti kellhom l-opportunità li jistaqsu u jingħataw aktar dettalji fuq dan il-proġett.

Għall-mistoqsija dwar x’rispons kellhom fuq din il-proposta, il-Ministru Ian Borg u s-Sur Joseph Bugeja qalu li r-rispons li kellhom sa issa kien wieħed pożittiv. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta qalilna li, “n-nies jistgħu jassoċjaw ruħhom ma’ sistema ta’ Metro. L-ewwel reazzjonijiet huma pożittivi ħafna fejn qegħdin isiru diversi mistoqsijiet. Kulħadd qed jirrealizza li din hi xi kwistjoni nazzjonali, fejn irid ikun hemm kollaborazzjoni sħiħ biex twassal lil Malta għall-futur.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Borg semma kif periti u inġiniera lokali kienu sodisfatti b’dawn l-istudji u qegħdin iħarsu ‘l quddiem biex jidħlu f’aktar teknikalitajiet tal-pjani sottomessi mill-ARUP. 

Min-naħa l-oħra, kompla jgħid il-Ministru Borg, qed iqumu diversi mistoqsijiet fosthom dwar jekk għandhomx jiżdiedu n-numru ta’ stazzjonijiet tal-Metro u għalfejn intgħażlu ċertu stazzjonijiet.

Il-Ministru Borg qal ukoll li “TM U l-Gvern talbu lill-ARUP isibu soluzzjoni għall-pajjiż kollu. Fejn il-mappa tal-Metro ma twassalx għax fil-fehma tagħhom mhix vijabbli li tmur lil hinn minn dak pjanat, is-sistema proposta tat-trasport hi integrata kullimkien.”

Ekonomija

Sport