Ir-rispons li kien hemm mill-pubbliku għal Ġnien it-Tbissim, f’Baħar iċ-Ċagħaq, sa mill-ewwel jiem tal-ftuħ tiegħu, jixhed li l-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna.
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputata Laburista Mariah Meli.
Il-Ministru Dalli qalet li l-imsemmi ġnien, li jinsab fi Triq il-Kosta, mhux biss qed iservi bħala żona ta’ mistrieħ u divertiment għar-residenti li jabitaw fil-madwar, imma qed ikun frekwentat ukoll minn bosta familji oħrajn li jkunu għaddejjin mill-inħawi, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa. It-tagħmir tal-logħob li hemm fih mhuwiex biss divertenti iżda wkoll aċċessibbli għal kulħadd, b’attenzjoni speċjali għal logħob inklussiv.
Dan il-proġett huwa wieħed minn tliet proġetti ta’ spazji miftuħa li għadhom kemm infetħu fil-jiem li għaddew. Riċentement tlestew u ġew inawgurati wkoll Ġnien il-Larinġ, f’Ħal Lija u t-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita li hija parti minn pjan fit-tul biex dan il-post isir wieħed mill-akbar parks pubbliċi f’pajjiżna, fuq medda ta’ aktar minn 90,000 metru kwadru.
Sadanittant, il-Ministru Dalli ħabbret ukoll li din il-ġimgħa stess mistenni li jinfetaħ ġnien ieħor ġdid fl-Imqabba, li huwa Ġnien il-Mitħna.
