Wednesday, October 28, 2026
Home Internazzjonali Waqfien mill-ġlied f’belt fl-Ukrajna fejn ir-residenti qed ibatu l-ġuħ

Waqfien mill-ġlied f’belt fl-Ukrajna fejn ir-residenti qed ibatu l-ġuħ

0
62

Beda jseħħ waqfien mill-ġlied fil-belt Ukrena ta’ Oleshky, li tinsab taħt okkupazzjoni Russa. Dan l-iżvilupp qed iseħħ ġimgħa wara li tħabbar minn mart il-President tal-Istati Uniti, Melania Trump. L-Ukrajna issa tistma li madwar 6,000 persuna, fosthom 200 tifel u tifla, għadhom fil-belt u fl-inħawi tal-madwar. Din il-belt ilha tliet snin bla elettriku, gass jew ilma.

Kemm l-uffiċjali Ukreni kif ukoll il-Ministeru tad-Difiża Russu kkonfermaw li dan il-waqfien mill-ġlied limitat qed jiġi rispettat. L-għan ta’ dan il-waqfien mill-ġlied huwa li jippermetti t-twassil ta’ għajnuna u l-evakwazzjoni ta’ nies ċivili, ppjanati għal nhar il-Ġmgħa.

Oleshky tinsab maqbuda bejn ix-Xmara Dnipro – li tifforma l-linja tal-front fir-reġjun ta’ Kherson u tisseparaha mill-pożizzjonijiet Ukreni – u l-forzi Russi.

Ir-residenti li għadhom fil-belt qed ibatu minn nuqqas kbir u ddisprat ta’ ikel, tant li ħafna nies qed jispiċċaw isajru ħaxix ħażin mill-ġonna u ħaxix selvaġġ biex jibqgħu ħajjin. Xi wħud ikkonfermaw din il-ġimgħa li qed ibatu minn ġuħ kbir u jixtiequ jitilqu minfejn huma.

L-Ukrajna ppruvat twassal provvisti iżda ma rnexxilhiex tagħmel dan fix-xhur reċenti. Barra minn hekk, jitqies perikoluż wisq biex wieħed jirriskja li jitlaq bil-mixi mill-belt tul toroq mimlija bombi.

B’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, il-White House qalet il-ġimgħa li għaddiet li Melania Trump kien irnexxielha tikseb waqfien mill-ġlied f’Oleshky, għalkemm ma ngħatawx dettalji dwar kemm kien se jdum.

Oleshky, li qabel il-gwerra kienet belt b’popolazzjoni ta’ 24,000 persuna, inħatfet mir-Russja matul l-ewwel jiem tal-invażjoni fuq skala sħiħa fi Frar tal-2022. 

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja ddikjara li waqqaf l-isparar lejn il-belt Ukrena ta’ Kherson – li tinsab fuq in-naħa l-oħra tax-xmara minn Oleshky – fl-4.00am ħin ta’ Mosk  bi tħejjija għall-operazzjoni umanitarja.

Dmytro Lubinets, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Parlament tal-Ukrajna, ikkonferma wkoll permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali li l-waqfien mill-ġlied kien beda.

Filwaqt li n-nies huma ottimisti dwar l-evakwazzjoni tagħhom, hemm ukoll biżgħat li r-Russja tista’ ma tħallihomx jirritornaw lura l-Ukrajna, jew anki li teżamina t-telefowns u l-attività online tagħhom biex tfittex jekk hemmx sinjali ta’ appoġġ għall-Ukrajna – ħaġa li tista’ twassal biex nies jinħatfu u jiġu ttorturati.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here