Floriana FC ħabbru l-ħatra ta’ Carlos Alos Ferrer bħala l-coach il-ġdid tat-team.
Dan il-coach Spanjol għandu esperjenza internazzjonali vasta, kemm fil-livell tal-clubs kif ukoll f’dak tat-timijiet nazzjonali. Matul il-karriera tiegħu, huwa mexxa lil FC Kairat tal-Kazakhstan u lit-team nazzjonali tal-Belarus, u b’hekk sar l-ewwel coach fl-istorja ta’ Floriana li qabel kien mexxa team nazzjonali tal-kbar.
Alos Ferrer wera kapaċitajiet ta’ tmexxija u għarfien tattiku matul il-karriera tiegħu, li tinkludi rebħa ta’ kampjonat domestiku ma’ FC Kairat kif ukoll esperjenza fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Il-ħatra tiegħu timmarka kapitlu ġdid għal Floriana FC, hekk kif il-club ikompli jaħdem biex jilħaq l-ambizzjonijiet sportivi tiegħu u jikseb suċċessi kemm fil-kompetizzjonijiet domestiċi kif ukoll f’dawk internazzjonali.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, it-team kien immexxi mill-assistant coach, Jean Paul Desira, wara r-riżenja tal-Portugiż, Daniel Portela, bi qbil reċiproku mal-club.




