Riċenzjoni ta’ Michel Cini
Wara l-ewwel rumanz tiegħu Bint l-Imħabba Miċħuda, issa l-awtur Joe Cardona qed jippreżentalna rumanz ġdid. Rumanz b’tema tassew oriġinali u li mhix tas-soltu għaliex tittratta l-intriċċi u l-esperjenzi li għadda minnhom kowċ tal-futbol. Rakkont intriganti għall-aħħar fejn mal-ewwel ftit paġni dlonk qabbadni kurżità kbira.
Nistqarr li qatt ma kont nimmaġina li l-impenn li jidħol għalih kowċ li jrawwem u jħarreġ numru ta’ tfal u żgħażagħ biex jgħaqqadhom bħala tim f’dan l-isport, jinvolvi daqstant diffikultajiet. Qatt ma kont nobsor li l-kowċ, apparti t-tagħlim tat-teknika professjonali tal-futbol, ikollu jħabbat wiċċu ma’ problemi oħrajn. Bħal ngħidu aħna d-diżgwid li jinqala’ sforz l-indħil insidjuż u bla bżonn tal-ġenituri fid-deċiżjonijiet li jkollu jieħu l-kowċ għall-benefiċċju tat-tim kollu. Ta’ tim sħiħ li suppost li jrid jimxi, jaqdef, u jikkumbatti id f’id biex jirnexxilu jirbaħ il-logħob. Tant hu hekk li dan l-aġir mhux biss ifixkel, itellef u jagħmel ħafna ħsara lit-tim, imma minħabba li joħloq element ta’ pika inġusta u għira fost il-plejers, minflok jgħaqqadhom kif suppost bħala tim aktar inissel element ta’ firda. U naturalment, dan minbarra kemm jagħmel ukoll il-ħajja diffiċli u kkumplikata għal kull min ikun involut fil-klabb.
Mela aħseb u ara meta bħal fil-każ tal-ġrajja ta’ dan ir-rumanz, il-kowċ tat-tim tant ikun empatiku, jagħti kas u jimpurtah mill-alljievi tiegħu illi jħossu fid dmir li jgħin u anki jinvolvi ruħu fil-problemi personali tagħhom. Mhux ta’ b’xejn li xi drabi, dawn jibdew iħallu l-effetti tagħhom fuq l-aġir tiegħu. Saħansitra jippenetraw ukoll fl-isfera emozzjonali u fil-qalb sensittiva tal-kowċ. Imma l-aktar li jaffettwah ikun il-fatt li jsir jaf li l-passat tiegħu wkoll ikun ser jibda jilgħab parti importanti ferm fl-impenn tiegħu bħala kowċ – passat bi storja sentimentali, imma li jkun ukoll kemxejn turbanti u kunflinġenti fl-istess waqt.
U huwa proprju għalhekk li dan ir-rakkont jirnexxilu jmiss il-qalb għax l-impenn, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jkun jagħmel Kowċ Ray mat-tfal u ż-żgħażagħ li jħarreġ, dejjem jidħol għalihom b’ruħu u b’ġismu u mingħajr kundizzjonijiet ta’ xejn, anki jekk ikun jaf li dawn jistgħu jissarrfu f’konsegwenzi xejn pjaċevoli għalih. Saħansitra anki meta l-għira, it-tradiment, il-malafama, il-mibegħda lejh u l-akkużi foloz kontra tiegħu, jippruvaw jgħakksuh u jfarrkulu r-reputazzjoni tajba li jkollu biex iwarrbuh … ġaladarba jkun hemm min jixtieq jivvendika ruħu minnu. Imma speċjalment mill-passat tiegħu.
Biss minkejja t-tbatija, l-intriċċi u l-weġgħat kollha li jgħaddi minnhom, l-imħabba tirbaħ dejjem. U l-qalb leali u tad-deheb ta’ Kowċ Ray – anki f’nofs uragan ta’ tradiment – fl-aħħar toħroġ rebbieħa. B’hekk tagħti l-eżempji u l-lezzjonijiet meħtieġa lill-plejers, daqs l-aqwa lezzjonijiet li jirċievu waqt it-taħriġ tal-futbol. Anzi iżjed, għax b’hekk jitgħallmu wkoll kif għandhom jiffaċċjaw u jegħlbu id-diffikultajiet tal-ħajja.
Għaliex sewwa jgħid il-Malti li l-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar!
