Monday, August 4, 2025

RISTORANTI

Aqra wkoll

Ir-rapport li ħarġet dan l-aħħar l-għaqda tar-ristoranti, l-ACE, dwar x’jaħsbu mit-trattament li jingħataw dawk li jieklu fir-ristoranti Maltin kien interessanti ħafna. L-aktar il-qasma li nstabet bejn il-klijenti Maltin u turisti barranin. Jekk fhimt tajjeb, tal-aħħar sabu l-prezzijiet raġonevoli, il-Maltin għolja. Imma imbagħad bħala medja, l-Maltin jonfqu ħafna aktar mit-turisti f’ristorant. Ma kienx ċar biżżejjed jekk il-qies ta’ x’inhu għoli jew irħis kienx jinkludi fih il-prezz tal-inbejjed u xorb ieħor.

Ir-rapport għandu jservi biex jistimola aktar ħsieb dwar settur kruċjali għax jagħti identità partikolari lil pajjiżna fost it-turisti u fost il-Maltin ukoll, għaliex le? Biss, neħtieġu aktar informazzjoni dwar l-istrutturi li bihom qed jinbiegħ l-ikel tar-ristoranti. Pereżempju, minn żmien il-Covid kien hemm żieda sostanzjali fil-bejgħ ta’ ikel li jitwassal fid-djar bil-mutur. U dan mhuwiex biss l-ikel tat-tip pizza imma anke platti aktar sofistikati.

DWAR GAZA

Ftit wara l-attakk atroċi u kundannabbli tal-Hamas fuq ċittadini ta’ Iżrael f’Ottubru 2023, meta kienet qed titħejja r-risposta Iżraeljana, eks-ġeneral tal-armata Iżraeljana li kien qed iwassal il-messaġġ Iżraeljan fi Brussell, spjegali x’se jkunu l-għanijiet ta’ pajjiżu. (Għal snin kellu pożizzjoni ewlenija fil-kmand militari tal-Gaza.) Barra milli jeqirdu l-Ħamas, kellhom isiru l-iSparta tal-Punent fil-Lvant Nofshani, nazzjon militari li jiddefendi d-demokraziji kontra t-terroristi Għarab u l-alleati tagħhom, fuq quddiem nett l-Iran.

Biex l-Iżrael jikkonverti ruħu fi Sparta qiegħed bla ebda ħniena jgħaffeġ u joqtol nies innoċenti u mġewħa. Fil-Gaza qed jitwettaq ġenoċidju. L-Ewropa jmissha tistħi tibqa’ siekta. L-istess, pajjjiżna wkoll imissu jistħi li bqajna nittitubaw milli nagħmlu bħall-gvern soċjalista ta’ Spanja u nirrikonoxxu l-istat Palestinjan.

Dwar hekk, lil hinn minn kull kunsiderazzjoni partiġġjana, naqbel mija fil-mija ma’ x’kiteb ftit tal-ġimgħat ilu f’ġurnal lokali, id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco. 

L-EKONOMIJA TAL-FESTI

Il-festi “reliġjużi” tas-sajf għadhom popolari. Sa ftit tas-snin ilu kienu jfawru b’entużjażmu liema bħalu mill-erba’ irkejjen tal-pajjiż. Ninsab waħdi li donni nħoss birda fil-klima ta’ entużjażmu?

Mhux bilfors dwar il-festi “ewlenin” – aktar dwar ċerti “żgħar”. Per eżempju, tisma’ dwar insuċċess fil-ġbir fost il-familji li sar għall-festa. B’hekk, l-attivitajiet tnaqqsu. Jew dwar kif ċerti baned tħabtu biex isibu biżżejjed bandisti fost dawk li kienu “tagħhom” jew li setgħu jikru. L-istess dwar in-nar li seta’ jittella’. Kollox bla ebda rabta ma’ xi tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku.

Jaħtu l-bidla soċjali dejjem għaddejja u d-drawwiet fl-imġiba li jinbidlu b’ħeffa fenomenali. Fl-aħħar żminijiet aktar smajt tgergir dwar id-disturb li l-festi jġibu fit-traffiku milli rapsodiji dwar il-gost ta’ din jew dik il-festa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport