Pajjiżna għaddej minn ritmu ekonomiku b’saħħtu ħafna. Sena wara l-oħra qiegħed jibqa’ jirreġistra tkabbir sostanzjali li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra. Dawn ir-riżultati ma waqgħux mis-sema u lanqas ma ġew b’xi kumbinazzjoni, imma twettqu sforz ħidma mis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż il-konsumaturi.
Saħansitra, il-Kummissjoni Ewropea stess qiegħda tbassar li għal din is-sena u s-sena d-dieħla pajjiżna se jibqa’ jkollu l-akbr tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Dan it-tbassir jorbot ma kif matul din is-sena l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’4.1% u b’4% fl-2026.
Il-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll kif matul is-sena 2024, in-nefqa totali tat-turisti f’pajjiżna żdiedet b’23.1% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, setturi oħra orjentati lejn is-servizzi bħal dawk rikreattivi, professjonali, it-teknoloġija tal-informatika u s-servizzi finanzjarji kibru sew.
Din il-pożittivita fl-ekonomija Maltija ma nsemmuhiex aħna biss. Dan għaliex waqt laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru tkellem dwar it-tbassir ekonomiku tajjeb tal-ekonomija Maltija u s-sentiment b’saħħtu ħafna fost il-komunità kummerċjali Maltija.
Semma li l-Budget li ġej se jkun Budget ieħor ġeneruż li jmur id f’id ukoll mal-prinċipji ewlenin tal-Viżjoni Malta 2050, jiġifieri tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi iffukati fuq iċ-ċittadini, reżiljenza u edukazzjoni moderna u użu intelliġenti tal-art u l-baħar.
Gvern Laburista qed imexxi l-ekonomija bil-galbu, tant li llum kulħadd qed igawdi mir-riżultati ta’ dak l-għaqal. Ħaddieħor staġna l-pajjiż u kellu jkun Gvern Laburista li jerġa’ jqajjem l-ekonomija, biż-żidiet fiċ-children’s allowance u fil-pensjonijiet, trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, għajnuna waqt il-pandemija, l-orħos kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll prezzijiet tal-fjuwil, żieda fil-paga minima nazzjonali, u l-akbar tnaqqis ta’ taxxi fl-istorja.
Dan kollu fl-ekonomija ta’ Malta hija konferma tal-viżjoni li kellu dan il-Gvern bil-miżuri fiskali u ekonomiċi li ħa b’mod partikolari fis-snin li għaddew. Quddiem dan l-iżvilupp pġożittiv, nistennew li għandha tissokta l-ħidma biex l-ekonomija tagħna mhux biss tibqa’ l-aqwa iżda wkoll toħloq l-aqwa opportunitajiet u pagi għall-ħaddiema. Inħarsu ’l quddiem biex ikompli jinħoloq il-ġid, l-opportunitajiet u l-prosperità għall-poplu Malti u Għawdxi.