F’ġurnata mill-isbaħ, matul il-jum tal-Ħadd, ittellgħet b’suċċess edizzjoni oħra tal-Irkotta Fest f’Ħal Kirkop.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8472.jpg)
Dan hekk kif bosta familji rħewlha lejn dan ir-raħal, li minn dejjem kien marbut mal-produzzjoni tal-irkotta, u fl-istess ħin kellhom l-opportunità li jżuru d-diversi postijiet ta’ interess li nsibu f’din il-lokalità.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8364.jpg)
Dawk kollha preżenti setgħu jsegwu dimostrazzjoni dwar kif issir l-irkotta b’mod tradizzjonali filwaqt li setgħu jduqu prodotti magħmula bl-irkotta fosthom ir-ravjul, torti tal-irkotta, ġelati u kannoli.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8377-1024x682.jpg)
Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop Terence Agius qalilna li l-konkorrenza għal din l-attività kienet waħda tajba ħafna, li rat ukoll il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-lokal, li jaħdmu qatigħ b’risq il-lokalità.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8407.jpg)
“Kien hawn ikel tradizzjonali magħmul kollu mill-irkotta, artiġjanat, dimostrazzjoni ta’ kif issir l-irkotta, ravjul u affarijiet oħra li wieħed seta’ jgawdi f’atmosfera ta’ familja,” qal Agius.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8382.jpg)
Huwa żied jgħid ukoll li l-ħsieb tal-Kunsill huwa li din l-attività tibqa’ ssir b’mod annwali, anke għaliex il-kummenti tan-nies kienu pożittivi u fl-istess ħin tgħaqqad il-lokalità kollha flimkien.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2022/10/ASU_8430.jpg)