Saturday, December 21, 2024

RITRATTI: “Ma noħorġux bla bżonn” … Kif qed jirreaġixxi l-poplu?

Aqra wkoll

Ritratti: Roger Azzopardi

Fl-aħħar ġimgħat il-poplu Malti u Għawdxi kien maħsud mal-ewwel każ ta’ persuna infettata bil-coronavirus f’pajjiżna. Sa mill-ewwel ġurnata, bdew isiru aktar testijiet u ta’ kuljum bosta huma dawk li għall-ħabta tan-12:30 p.m jinġabru jistennew l-aħħar żviluppi jittamaw li l-każi ġodda ma jkunux allarmanti.

Sfortunatament fl-aħħar jiem tħabbru l-ewwel żewġ vittmi tal-Covid-19 u din l-aħbar ukoll ħalliet lil bosta ssummati. Intant l-awtoritajiet tas-saħħa, flimkien mal-Prim Ministru u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali komplew jiggwidaw lill-poplu b’miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom iżommu l-kurva tal-każijiet taħt kontroll bla ma jfeġġ fuqna dak li l-Ministru tas-Saħħa qed ibassar li jista’ jkun “tsunami ta’ każijiet” li jistgħu jwasslu biex l-apparat mediku fosthom il-ventilaturi li għaddejja ħidma biex dawn jitilgħu għal 200 f’Mater Dei, ma jkunux biżżejjed.

Wieħed mill-fotografi tal-Unionprint illum ħareġ jiġbed ritratti minn numru ta’ lokalitajiet biex jagħtina ħarsa ta’ kif il-poplu qed iġib ruħu quddiem dawn il-fatturi kollha li qed jibnu fuq xulxin l-andament tas-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus u l-firxa tiegħu f’pajjiżna.

Ir-ritratti nistgħu ninterpretawhom b’modi differenti. Minkejja li għandek persuni li qed jimxu mad-direttivi fosthom li tinżamm distanza ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra u li ma nkunux fi gruppi ta’ aktar minn tlieta, sfortunatament l-appell kontinwu tal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom dak ta’ kuljum mis-Supretendent tas-saħħa Charamaine Gauci jidher li mhux qed jiġi osservat.

Fl-aħħar miżuri mħabbra kien hemm dawk li jikkonċernaw persuni vulnerabbli, fosthom l-anzjani li l-gvern ħabbar servizzi ġodda biex dawn ma joħorġux bla bżonn. Minkejja dan ħafna anzjani qed jiddeċiedu li jinjoraw din il-miżura.

Rigward gruppi ta’ mhux aktar minn tlieta, minkejja li sal-bieraħ inħarġu 50 multa ta’ €100 kull wieħed lil 50 persuna, jidher li xorta għad hawn persuni li qed jinjoraw din id-direttiva.

Il-baħar jibqa’ wieħed mill-postijiet favoriti tal-Maltin u minkejja li għadna f’April, bosta kienu dawk li għażlu li jmorru u jinfirxu fuq il-bajjiet anke jekk l-għajta tal-awtoritajiet hija li “Ma noħorġux bla bżonn”.

Sitwazzjoni oħra hija dik quddiem il-banek, fejn minkejja li f’xi postijiet qed jinżamm il-kju b’distanza soċjali skont kif suġġerit, f’postijiet oħra baqgħu jinġemgħu n-nies.

Interessanti wkoll li l-Kunsilli Lokali jinnotaw li minħabba l-elementi; bħalma huwa r-riħ, li mhux dejjem ikollna kontroll fuqhom, xi bankijiet li kienu ġew mgħottijin se jkollhom jerġgħu jitgħattew minħabba li għal xi raġuni reġgħu lura mikxufin.

Skont il-Professur Charmaine Gauci, pajjiżna għadu qed jistenna kull sitwazzjoni u kollox jiddependi minn kif se nġibu ruħna aħna ġurnata b’ġurnata. Hija għamlitha ċara li każijiet li jitħabbru f’ġurnata ma jfissru xejn u li minkejja li n-numri jistgħu jidhru baxxi mhux eskluż li dawn jiżdiedu. Mela tajjeb li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ dawk ta’ madwarna u ma noħorġux bla bżonn biex dan il-perjodu ta’ sagrifiċċji ngħaddu minnu kemm jista’ jkun malajr.

Ekonomija

Sport