Saturday, October 26, 2024

RITRATTI: Wirja ta’ vetturi Amerikani fil-Qawra

Aqra wkoll

Biswit l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, dagħlodu ttellgħet wirja ta’ vetturi Amerikani, moderni u klassiċi, u kif ukoll muturi bil-għan li jinġabru fondi għal Dar Bjorn. L-attività kienet imżewqa wkoll b’wirjiet ta’ saħħa minn Tony Farrugia li żgur li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni minħabba l-involviment tiegħu f’avvenimenti għall-karità.

L-Orizzont żar din l-attività fejn hemmhekk tkellem ma’ Charlie Bonanno, li huwa l-President tal-American Auto Club Malta u wieħed mill-organizzaturi tal-attività. Huwa beda biex jgħid li matul is-sena jorganizzaw bosta attivitajiet biex filwaqt li d-dilettanti japprezzaw il-vetturi ta’ xulxin, jiġbru fondi għall-karità. 

Huwa żied jgħid li: “l-konkorrenza tan-nies ma kinitx daqshekk numeruża minħabba li hawn xi toroq magħluqin peress li kien hawn il-maratona u xi attivitajiet oħra. Is-soltu ġieli jkollna 80-100 karozza. Illum kulma qegħdin 40 karozza. Dik affetwatna imma sodisfatti bil-parteċipazzjoni tan-nies li ġew hawn illum.”

Mistoqsi dwar kif affettwathom il-pandemija, huwa jgħid li minħabba l-Covid-19 ftit li xejn għamlu attivitajiet f’dawn l-aħħar sentejn. “Jekk il-Bambin irid, issa nerġgħu naqbdu r-ritmu sa Ġunju tal-inqas għax imbagħad tibda tkun dik is-sħana qawwija.” 

L-Orizzont ħa wkoll il-kummenti ta’ Tony Farrugia, ftit mumenti wara li kien għadu kif ġibed Jeep li kienet mimlija bin-nies. Huwa qal li fuq Facebook ra li kienet se tittella’ din l-attività u minnufih bagħat lill-organizzaturi biex jieħu sehem billi jagħti xi wirjiet ta’ saħħa sabiex jinġabru iżjed fondi għall-karità.

Fil-wirjiet tiegħu, Farrugia refa’ wkoll ġebel tqal li jiżnu sa 100 kilo, dumbell li tiżen 83 kilo b’id waħda, għawweġ spanners u msiemer u refa’ xi nies b’id waħda. Fil-ġimgħat li ġejjin, Farrugia se jieħu sehem f’avveniment ieħor, din id-darba flimkien ma’ Paul Grima (Mr Cool) b’risq Puttinu Cares. 

L-attività tal-bieraħ kienet organizzata mill-American Auto Club Malta b’kollaborazzjoni ma’ Lions Club Imdina, Maltese Islands Harley Davidson Club u SSS Skull Bikers Malta. 

Sport