Friday, February 28, 2025

RIŻENJA

Aqra wkoll

Għamel tajjeb il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri li offra r-riżenja tiegħu wara s-serq ta’ cannabis li saret minn ħdan l-armata. Forsi kien jagħmel aħjar kieku rriżenja. Wara kollox aħna tal-Labour konna għamilna żmien niddieħku bil-Prim Ministru Fenech Adami meta wara li ġie sfiduċjat mill-qrati, irriżenja, fiduċjuż li se “jkollu” jirtiraha. Imma dak ilu ħafna!

Politiku fil-kariga għandu responsabbiltà kemm għal dak li jagħmel hu, u kemm għal dawk li f’ismu jwettqu ħidma deċiżjonali u ta’ tmexxija. Jekk ifallu huma, ifalli hu wkoll.

Ċertament dan is-sens ta’ responsabbiltà lanqas għandu jitħaddem qisu kien romblu. Irid ikun hemm qies f’kif tinġarr ir-responsabbiltà. Biss żdiedu – wisq? – l-eżempji matul das-seklu fejn kwalunkwe nuqqas jiġi tollerat jew injorat. L-effetti ta’ hekk ma jinħassux minnufih imma jibdew jiżdiedu, sakemm iwasslu għal illaxkar sħiħ tas-serjetà, dixxiplina u kontabilità li bihom is-settur publiku jwettaq dmirijietu.

FIL-ĠERMANJA

Ir-rebħa elettorali tal-konservattivi CDU/CSU fil-Ġermanja ma kinitx impressjonanti. Veru li l-aqwa r-rebħa. Xtaqu li jġibu talanqas 30 fil-mija tal-vot, u ma waslux. Jekk se jwaqqfu koalizzjoni mas-soċjalisti din se jkollha maġġoranza ċkejkna fil-Parlament Ġermaniż. Ma tantx għandhom għażla ta’ xi tielet partit biex idaħħluh fil-koalizzjoni. 

  Is-CSU ma jridux jafu bil-Ħodor. Il-partit tax-Xellug, eks-komunista, żgur mhux se jqisuh. U baqa’ d-divjet totali fuq il-partit tal-lemin estrem l-AfD, għalkemm il-Kanċellier il-ġdid Merz straħ fuqhom ftit ilu biex jgħaddi mozzjoni dwar l-immigrazzjoni mill-Parlament.

B’koalizzjoni dejqa bejn il-konservattivi u s-soċjalisti, hemm se jkun kapaċi l-gvern Ġermaniż il-ġdid joffri direzzjoni qawwija f’Ewropa li donnha ċċassat quddiem l-inizjattivi radikali tal-President Trump?

IL-KNISJA

Quo vadis il-Knisja Maltija? Qisha rrassenjat ruħha li tamministra r-reliġjon li b’mod jew ieħor, jippatroċinja l-istat. Meta hi jew rappreżentanti ewlenin tagħha jieħdu xi profil aktar qawwi, ġeneralment b’mod sfokat biex jikkritikaw xi aspett tal-politika tal-gvern, ftit jinħassu konvinċenti.

Dwar materji tal-akbar qawwa fis-soċjetà, qisu m’hemmx kuxjenza ċara – bħal dwar id-drogi, il-problema tal-kirjiet, l-ambjent, il-qagħda fostna tal-immigranti minn barra l-Unjoni Ewropea, l-industrija tal-imħatri, iż-żieda fl-inugwaljanzi soċjali fost oħrajn. L-istqarrijiet u l-attivitajiet li jsiru dwarhom huma spezzettati, bħallikieku qed isiru bilfors, wisq ta’ spiss bla ebda suġġerimenti dwar ħidma alternattiva.

Jista’ jkun li l-Knisja Maltija, bħal diversi istituzzjonijiet oħra, qed issofri mill-indifferenza tal-istess membri tagħha. L-istess ftit nies jinġabru għall-ħidma, bla ebda tiġdid jew tkattir ta’ personnel. Dnub jekk dan hu l-każ. Anke wieħed li jemmen bis-sħiħ fil-valuri sekulari  se jaqbel li l-Knisja kellha u għandha kumpass ta’ direzzjoni għas-soċjetà li ta’ min narawh jitħaddem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport