Wednesday, December 11, 2024

Robert Abela bi sfida wara l-oħra fl-ewwel sena

Aqra wkoll

…il-mira li bil-vaċċin il-pajjiż jindirizza l-impatt tal-Covid19 u l-ekonomija terġa’ taqbad it-triq qabel l-elezzjoni ġenerali

Minn Gaetano Micallef

Illum jaħbat l-ewwel anniversarju mindu l-Prim Ministru Robert Abela ħa l-ġurament bħala Prim Ministru. Sena li wieħed ma jistax ma jirrimarkax li dan kien  bidu mill- iktar iebes fit-tmexxija tal-pajjiż hekk minbarra s-sitwazzjoni politika lokali kellu jiffaċċja wkoll il-pandemija li laqtet lid-dinja. Abela kien elett mexxej tal-Partit Laburista fil-11 ta’ Jannar meta kien ġab 9,342 vot minn 16,216 (57.9%).

L-elezzjoni saret biex jimtela’ l-post battal minn Joseph Muscat li rriżenja minn Prim Ministru u Mexxej Laburista fl-isfond tal-protesti regolari li saru fil-pajjiż lejn l-aħħar tal-2020 b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel sfida għal Abela kienet proprju dik li jġib is-sitwazzjoni lura għan-normal anke għall-fatt li l-protesti fit-toroq kienu qed joħolqu klima ta’ instabilità li laqtet ukoll lin-negozji fosthom fil-Belt fejn saru.

Abela beda sensiela ta’ riformi marbutin mal-qasam tal-governanza u l-ġustizzja bil-Gvern immexxi minnu qed jittama li dawn ikunu biżżejjed biex pajjiżna jissodisfa l-esiġenzi meħtieġa minn istituzzjonijiet barranin fosthom l-Moneyval.

Madankollu l-ikbar daqqa għal Abela kienet bla dubju l-“wasla” tal-Covid19 f’Marzu li għadda fejn minbarra l-isfida mil-lat ta’ saħħa ħalliet impatt kbir fuq kull qasam ieħor fosthom l-ekonomija u l-edukazzjoni.

Abela ried isib bilanċ bejn il-ħarsien ta’ saħħet il-poplu u l-kontinwazzjoni ta’ oqsma vitali, fuq quddiemnett l-istess ekonomija u edukazzjoni, anke biex jevita li l-qgħad jisplodi.

Fil-fatt l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern ta fil-ħlas tal-pagi naqqas sew in-numru ta’ dawk li tilfu xogħlhom jew li kellhom il-ġimgħa tax-xogħol imnaqqsa għalkemm dan ħalla impatt fuq il-finanzi tal-pajjiż.

L-isfida tal-iskejjel ukoll kienet għadma iebsa li kellu jomgħod il-Gvern fejn wara perjodu li fih dawn inżammew magħluqa, deċiżjoni li ġabet magħha l-isfida tat-tagħlim onlajn, ir-ritorn tal-istudenti fihom u l-miżuri marbutin magħhom kien ifisser uġigħ ta’ ras loġistika apparti żieda oħra fl-ispiża.

Il-bilanċ bejn l-ekonomija u l-finanzi fuq naħa waħda u l-ħarsien tas-saħħa mill-oħra niżlu tajjeb ma’ xi wħud imma mhux l-istess ma’ oħrajn b’Abela kien kritikat ukoll għal ċertu stqarrijiet li għamel fejn wera l-ottimiżmu tiegħu dwar il-qagħda tal-pandemija.

Issa li fil-pajjiż waslu, u bdew jingħataw, l-ewwel dożi tal-vaċċini li Malta rnexxielha tassigura Abela qed jittama li dawn mhux biss iwaqqfu t-tixrid tal-pandemija, inkluż l-imwiet, imma anke jerġgħu jpoġġu lill-pajjiż fit-triq li kien għaddej minnha qabel feġġet.

Il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż, li spiċċa joħroġ ħafna iktar milli qed idaħħal, tinħtieġ li s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal fl-iqsar żmien possibbli bil-Prim Ministru qed jimmira li lejn Mejju s-sitwazzjoni tkun, fi kliemu, “business as usual”.

Kemm dan iseħħ il-pajjiż għad irid jara fix-xhur li ġejjin anke għax il-‘herd immunity’ mistennija tinkiseb lejn Settembru dejjem jekk ikun hemm madwar 70% tar-residenti fil-pajjiż li jieħdu t-tilqima.

Sadanittant il-Prim Ministru u l-Gvern jibqgħu jittamaw, u jippjanaw, li l-vaċċin iħalli l-impatt mixtieq u maħsub biex l-2021 possibilment tara t-tmiem tal-Covid19 u b’hekk il-pajjiż jerġa’ jaqbad ir-rutina li ilha li ntilfet għal kważi din l-aħħar sena.

Jekk dan iseħħ, u bħall-bqija tad-dinja l-pajjiż jeħles mill-virus, kollox jindika li l-ikbar sfida li jkun imissu Abela tkun dik li jerġa’ jqajjem l-ekonomija ħalli b’hekk ikun jista’ jiffaċċja sfida oħra li tinsab fuq ix-xefaq … dik tal-elezzjoni ġenerali li trid issir fl-2022.

Ekonomija

Sport