Sunday, January 19, 2025

Robert Aquilina ried li ħames persuni jitressqu l-Qorti b’reati b’piena ta’ ħabs fuq ‘xniegħat’

….il-Kummissarju tal-Pulizija mitlub jiftaħ investigazzjoni dwar kif l-inkjesta ingħatat lil Robert Aquilina

Aqra wkoll

Il-President onorarju tal-għaqda Repubblika n-nutar Robert Aquilina ried li ħames persuni jitressqu quddiem il-Qorti akkużati b’reati kriminali li jġorru piena ta’ erba’ snin jew iktar ħabs, fuq il-bażi ta’ dawk li l-Qorti sejħet bħala ‘xniegħat u spekulazzjonijiet’.  Il-Qorti talbet lill-Kummissarju sabiex jiftaħ investigazzjoni b’mod immedjat dwar kif u minn min, l-inkjesta ingħatat lin-Nutar Robert Aquilina u li din l-investigazzjoni ghandha tkun mill-iktar wiesa, u sabiex jittiehdu l-passi meħtieġa u neċessarji. 

F’sentenza iebsa ħafna mogħtija iktar kmieni din il ġimgħa l-Maġistrata Nadine Sant Lia qalet li Aquilina ried li dawn il-ħames persuni jkun akkużati b’rabta mal-inkjesta Pilatus Bank, b’ħasil ta’ flus, ‘trading in influence’, assoċjazzjoni kriminali, dikjarazzjonijiet foloz  u l-organizazzjoni jew finanzjament ta’  għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali, meta sabiex ikunu sostanzjali dawn l-akkużi l-Qorti ‘kellha quddiemha dokument wieħed biss ta’ żewg paġni  A4, mingħajr letter head jew spjegazzjoni u bil-kitba’, firma u timbru tan-nutar Aquilina’. 

Nieqsa minn provi

Il-Qorti irrimarkat li ‘ l-maggior parti tax-xhieda ta’ Aquilina hija msejsa fuq x’qalulu diversi uffiċjali mingħajr ma jindika la min huma jew f’liema kuntest u kapaċità kienu qed jgħaddulu din l-informazzjoni’. Il-Qorti żżid li ‘ix-xhud jistrieħ ħafna fuq il-fatt li ghax huwa nutar jista’ jagħmel dikjarazzjoni solenni li dak li qalulu huwa minnu’. Iżda ‘ minħabba l-mod vag ta’ kif kien qed jagħmel id-dikjarazzjonijiet tiegħu, l-Qorti ġiet nieqsa minn provi ċari u diretti li huma inekwivoki. Għall-Qorti Aquilina baqa’ jippreżenta “fatti” imsejsin fuq dak li semgħa jew minn media jew minn “sorsi”.  

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrata Sant Lia tirrimarka li l-inkjesta tal-Pilatus Bank, li swiet lil pajjiżna 7.5 miljun ewro,  qatt ma giet imxandra fid-dominju pubbliku jew kien hemm xi awtorizzazzjoni legali sabiex tiġi mxandra. Fl-istess ħin in-Nutar Aquilina u l-għaqda Repubblika qatt ma għamlu talbiet kemm lill-Avukat Ġenerali kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex  jingħataw kopja jew aċċess għall-inkjesta.

Xokkanti

Madankollu tirrimarka l-Qorti fix-xhieda tan-Nutar Robert Aquilina, huwa jindika b’mod ċar illi mhux talli kellu informazzjoni diretta dwar l-inkjesta iżda anke informazzjoni interna mill-Korp tal-Pulizija dwar dokumenti fil-pussess tal-Kummissarju. Irriżulta wkoll li kellu aċċess għall-komunikazzjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għar-rigward l-istess inkjesta. 

Waqt li tfakkar illi kull inkjesta hija dokument ristrett u ftit persuni jkollhom aċċess għaliha, il-Maġistrat Sant Lia tirrimarka illi “xokkanti huwa l-fatt li x-xhud jgħid li huwa ra l-inkjesta fil-forma oriġinali tagħha’. Hi tgħid illi fiż-żminijiet konċernanti l-unika awtoritajiet li kellhom aċċess għall-kontenut tal-inkjesta kien il-Maġistrat Inkwirenti, il-Kummissarju tal-Pulizija u kull uffiċjal li seta’ ġie ddelegat lilu d-dritt li jkollu aċċess għall-kontenut tal-inkjesta u l-Avukat Ġenerali u kull avukat intern li seta’ ingħata dritt ta’ aċċess għaliha.

Il-Maġistrat issejjaħ l-iżvelar tad-dokument ristrett tal-inkjesta bħala ‘aġir  li jitfa’ dawl ferm ikrah fuq is-serjetà tal-istituzzjonijiet u l-kapaċità li dawn jagħmlu xogħolhom b’mod newtrali, ġust u meqjus, mingħajr skopijiet ulterjuri jew malinni’. 

Bla skrupli

‘Jirriżulta prima facie li persuna u entità kompetenti għaddew b’mod illegali kopja sħiħa jew parzjali ta’ inkjesta meta din hija marbuta bis-segretezza. Bla dubju “leak” ta’ l-għola livell jitfa’ dawl ikrah u perikoluż fuq l-istituzzjonijiet prinċipali li kellhom aċċess għaliha’, tisħaq il-Maġistrata Sant Lia. 

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt illi uffiċjali għolja li żvelaw l-inkjesta lin-nutar Aquilina kisru l-Att Dwar is-Sigrieti Uffiċjali. Issejjaħ dan l-agir bħala ‘assolutament irresponsabbli u bla skrupli’ u li ‘jħalli biss lill-poplu jitbellaħ u li ħadd ma ħa ebda pass sabiex jippreserva l-integrità ta’ l-inkjesta’.

Il-Maġistrata Sant Lia tkompli tgħid illi ‘huwa wkoll ta’ skantament kbir kif ħadd ma rraporta jew ħa passi sabiex issir investigazzjoni dwar kif kien qed isir kxif ta’ dan il-livell u b’hekk tiġi prottetta l-integrità ta’ l-inkjesta. Bil-kontra l Magistrat Inkwerenti, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ‘għalqu ghajnejhom għal dak li sfaċċtament kien qed isir’. 

Kandidat mal-PN

Fuq il-bażi ta’ dan kollu l-Qorti talbet lill-Kummissarju sabiex jiftaħ investigazzjoni b’mod immedjat dwar kif u minn min, din l-inkjesta ingħatat lin-Nutar Robert Aquilina u li din l-investigazzjoni ghandha tkun mill-iktar wiesa, u sabiex jittiehdu l-passi meħtieġa u neċessarji.

Interessanti huwa l-fatt li kif stabbiliet il-Qorti, fiż-żmien li kienet għaddejja l-inkjesta dwar il-Pilatus Bank, Frank Anthony Tabone kien is-Supretendent responsabbli għall-iskwadra kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Illum Tabone m’għadux fil-Korp u ftit tal-ġimgħat ilu sar magħruf li se jkun kandidat mal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq id-distrett t’Għawdex. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport