Friday, March 6, 2026

“Robert kien persuna illi jħobb lil kulħadd”

Aqra wkoll

“Robert ma kienx jaf jobgħod. Kellu imħabba kbira għal kulħadd għaliex dejjem irrispetta lil kulħadd. Xhieda ta’ kemm hu maħbub, hija il-preżenza tagħkom sabiex tinghata l-aħħar tislima lilu”

Dan iddikjarah il-qassis, hekk kif fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi, kienet qed tingħata l-aħħar tislima lil Robert Micallef, ir-raġel li nhar it-Tnejn li għadda tilef ħajtu f’inċident bil-fork lifter f’Burmarrad. 

Ingħad li kien ta’ xokk kbir għal kulħadd, anke għal min ma kienx jafu. Robert ġie deskritt bħala bniedem matur illi għaraf biex jagħti prijorità lil  dak li l-aktar hu importanti f’ħajtu. 

L-inċident seħħ nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tal-10:00 a.m., fi Triq Burmarrad. Fuq il-post issejjaħ tim mediku flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, iżda l-ħaddiem ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Franco Agius li fetaħ inkjesta, kif ukoll il-Police Support Response Team. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija u dawk tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

Bosta nies sellmu l-memorja ta’ Robert fuq il-mezzi soċjali. Ilkoll bi kliem ta’ tifħir u li kien raġel b’qalbu tajba dejjem lest li jgħin lil ħaddieħor. Robert kien ex membru attiv fil-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi, membru attiv fl-Għaqda tan-Nar San Sebastjan u fratell fi ħdan il-Fratellanza tad-Duluri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport