L-attakkant internazzjonal Pollakk, Robert Lewandowski, kien protagonista għal Barcelona meta fil-Kampjonat Spanjol laqgħu lil Elche u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 biex il-Katalani rreġistraw il-ħames rebħa konsekuttiva.
Kien Lewandowski li fetaħ l-iskor fl-34 minuta wara li, fl-14-il minuta, Elche kellhom lil Gonzalo Cacicedu Verdu mkeċċi għal karta ħamra diretta wara foul fuq Lewandowski hekk kif kif f’pożizzjoni li seta’ jiskorja.
Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Memphis Depay irdoppja b’xutt bit-tidwira wara li rċieva mingħand Alejandro Balde.
Imbagħad tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Lewandowski ssiġilla r-rebħa wara li d-difiża ta’ Elche kklerjat qasir mill-cross ta’ Ousmane Dembele.