Roberto Mancini kkummenta għall-ewwel darba wara d-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja minn coach nazzjonali tal-Italja nhar l-Ħadd wara nofsinhar.
Il-coach ta’ 58 sena tefa’ post fuq Instagram biex isellem lin-nazzjon, u rringrazzja lill-players u lill-partitarji tiegħu għall-appoġġ li tawh matul ir-renju tiegħu ta’ ħames snin.
“Nirriżenja minn manager tat-team nazzjonali kienet deċiżjoni personali tiegħi,” kiteb Mancini fuq il-kont uffiċjali tiegħu ta’ Instagram.
“Nirringrazzja lil Gabriele Gravina tal-fiduċja li wera fija, kif ukoll lill-membri kollha tal-FIGC. Insellem u nirringrazzja lill-players u lill-partitarji kollha tiegħi li kienu miegħi f’dawn l-aħħar ħames snin. Dejjem se nżomm ir-rebħa straordinarja tal-Euro 2020 f’qalbi. Kien unur.”
Diversi rapporti diġà bdew jissuġġerixxu li Mancini jista’ jieħu f’idejh il-kariga ta’ head coach tat-team nazzjonali tal-Arabja Sawdija.
Ġie rrappurtat li l-eks player ta’ Sampdoria u manager ta’ Manchester City jista’ jiffirma kuntratt ta’ tliet snin fil-jiem li ġejjin.
Dettalji tal-offerta mis-Sawdi biex Mancini jsir il-coach il-ġdid tagħhom bdew joħorġu online wara l-aħbar tar-riżenja tiegħu minn maċ-champions tal-Ewropa.
Kif irrapurtat fuq il-media Taljana, il-Federazzjoni Sawdija tal-Football ilha tiġri wara Mancini u l-offerta tagħhom, li tista’ tiġi formalizzata fil-jiem li ġejjin, ma tidhirx li se tiġi rifjutata.
Huwa maħsub li Mancini se jiġi offrut €18-il miljun kull staġun biex jieħu f’idejh il-kariga vakanti ta’ head coach tal-Arabja Sawdija.
Rapporti oħra jissuġġerixxu li Mancini se jiġi offrut kuntratt ta’ tliet snin, li jfisser li jista’ jdaħħal €54 miljun f’dak il-perjodu jekk jara t-tul kollu tal-kuntratt propost lilu.
Il-pożizzjoni permanenti riċentement kienet fdata lil Herve Renard sa Marzu 2023, li telaq biex imexxi lil Franza fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa li qed issir bħalissa fl-Awstralja u fi New Zealand. Minn dakinhar Saad Al-Shehri aġixxa fuq bażi temporanja.
Mancini ssorvelja 61 logħba matul iż-żmien tiegħu fit-tmexxija tal-Italja, fejn kiseb 39 rebħa, 13-il draw u disa’ telfiet. Huwa stabbilixxa wkoll rekord ġdid fil-football internazzjonali wara li mexxa lit-team għal 36 logħba bla telfa.
L-istqarrija tal-FIGC dwar ir-riżenja ta’ Mancini għamlitha ċara li suċċessur għadu ma ġiex deċiż, u l-partitarji qed isemmu diversi ismijiet għall-irwol, allura min jista’ jsir il-coach li jmiss tal-Italja?
1 – ANTONIO CONTE – Waħda mill-aktar għażliet popolari hija dik ta’ Conte, li mexxa lill-Azzurri mill-2014 sal-2016, u wassalhom sal-kwarti-finali tal-Kampjonat Ewropew. Bħalissa jinsab bla xogħol wara li f’Marzu spiċċa minn Tottenham.
2 – LUCIANO SPALLETTI – Kandidat ewlieni ieħor fost il-partitarji huwa Spalletti, frisk mis-suċċess storiku tiegħu ma’ Napoli fl-istaġun li għadda. Il-coach temm stennija ta’ 33 sena għat-titlu tas-Serie A qabel ma ta r-riżenja tiegħu fi tmiem l-istaġun, u ħass li kellu bżonn pawsa wara sena daqshekk eċċitanti.
3 – MASSIMILIANO ALLEGRI – Suġġeriment li jista’ jitħeġġeġ aktar minn fanbase ta’ club minn kwalunkwe ieħor huwa Allegri, li bilkemm huwa figura popolari fost il-partitarji ta’ Juventus. Il-coach ta’ 56 sena għad fadallu sentejn oħra kuntratt mal-club ta’ Turin u li jkeċċuh ma jkunx irħis, minbarra li jħalli lill-club f’sitwazzjoni imbarazzanti.
X’TGĦID IL-MEDIA
Bosta media għamlu stima inizjali tas-sitwazzjoni, li jissuġġerixxu li Conte u Spalletti huma l-għażliet ovvji, iżda t-tnejn ikunu diffiċli. Ma sar l-ebda kuntatt ma’ Gennaro Gattuso, iżda Fabio Grosso jista’ jsir idea minħabba r-relazzjoni tiegħu mal-president tal-FIGC, Gabriele Gravina.