Roberto Martinez ikkonferma li ma rċieva l-ebda kuntatt minn Barcelona dwar ir-rwol maniġerjali.
Il-manager ta’ Barcelona Ronald Koeman jinsab viċin li jitlef ix-xogħol tiegħu fil-Camp Nou wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Benfica fiċ-Champions League nhar l-Erbgħa.
Il-coach tal-Belġju Martinez kien marbut mal-pożizzjoni, flimkien ma’ coaches bħal Xavi, Thomas Tuchel u Antonio Conte.
Madankollu, huwa mifhum li l-Ispanjol ma kellu l-ebda kuntatt mingħand Barcelona, għalkemm hemm ħjiel li huwa jista’ jkun ittantat minn offerta.
“M’hemm assolutament xejn – u ma kien hemm l-ebda kuntatt ma’ Barcelona,” qal Martinez. “Irrid nonora l-kuntratt tiegħi, imma ħafna affarijiet jistgħu jinqalgħu matul il-proċess.”
Il-kuntratt tat-coach ta’ 48 sena mal-Belġju jibqa’ għaddej sa wara t-Tazza tad-Dinja tal-2022, iżda huwa jidher miftuħ għall-idea li jħalli t-tmun tal-Belġju jekk tasal l-opportunità t-tajba.
Matul iż-żmien tiegħu fit-tmexxija tal-belġju, l-ex manager ta’ Everton u Wigan Athletic, Martinez mexxa lill-Belġju sas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u l-kwarti tal-finali tal-Kampjonati Ewropej ta’ din is-sena.