Tħabbret it-12-il edizzjoni ta’ Rockestra – Times Like These, li se ssir nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru, fl-MFCC, Ta’ Qali.
Id-direttur artistiku ta’ Rockestra Paul Borg Bonaci u d-direttur mużikali ta’ Rockestra Sigmund Mifsud taw id-dettalji ta’ Rockestra 2021, li se tirritorna bi spettaklu mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u bosta artisti lokali.
Meta indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz tal-Verdala, huma esprimew sodisfazzjon għar-ritorn ta’ Rockestra, avveniment li mhux biss huwa importanti mill-aspett ta’ divertiment iżda li wkoll iħalli impatt pożittiv fl-għajnuna meħtieġa b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation. Spjegaw kif, għall-ewwel darba, Rockestra ta’ din is-sena se jkun qed isir b’udjenza bilqiegħda.
Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ Rockestra kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Karl Gouder, li awguraw li, bħas-snin ta’ qabel, Rockestra fir-ritorn tagħha terġa’ tkun waħda ta’ suċċess.
Il-President George Vella qal kif wieħed mill-iskopijiet ewlenin huwa li dan l-avveniment jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-mużika. Huwa rringrazzja b’mod speċjali lil Paul Borg Bonaci u Sigmund Mifsud għall-ħidma sfiqa tagħhom b’rabta ma’ Rockestra, kif ukoll lill-voluntiera u l-artisti kollha involuti.
Il-biljetti għal Rockestra 2021 bdew jinbiegħu mill-Erbgħa, 3 ta’ Novembru, u jistgħu jinxtraw minn showshappening.com.mt. Għall-ewwel ġimgħa mit-tħabbira ta’ dan l-avveniment, wieħed jista’ jikseb erba’ biljetti u jingħata tnejn oħra bla ħlas. Kull min jattendi għal Rockestra jrid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin.