Thursday, March 28, 2024

Meqjus “pass tajjeb” imma b’mira li se taħli disa’ snin

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-konferenza dwar il-bidla fil-klima intlaħaq ftehim bejn aktar minn mitt mexxej li titwaqqaf id-deforestazzjoni fid-dinja, jiġifieri it-teħid ta’ art għall-foresti għal diversi għanijiet fosthom l-agrikoltura. Dan il-pass tqies bħala pass ‘l quddiem, imma ovvjament meta wieħed janalizza dan il-ftehim joħorġu għadd ta’ domandi li sa issa għadhom mhux imweġbin. Waħda minn dawn id-domandi hi dik għaliex il-mira hi li t-teħid ta’ art mill-foresti titwaqqaf għal kollox sas-sena 2030 jiġifieri disa’ snin oħra? Il-mistoqsija hi ċara – f’disa’ snin min jaf kemm se tinqered art  tal-foresti jekk nibqgħu bir-rata li għaddejjin biha bħalissa b’mod partikolari fil-Brażil.

Domanda oħra li qed issir hi x’mekkaniżmi se jkun hemm ta’ infurzar. Ma’ dan qed tqum ukoll mistoqsija kruċjali ħafna. Din hi dik tal-popolazzjoni, li ż-żieda tagħha hi waħda mir-raġunijiet għall-pressjoni kbira biex jittieħdu artijiet mill-foresti. Dan l-aktar biex jiġi prodott ikel agrikolu li jintbagħat f’esportazzjoni lejn pajjiżi oħra.  Apparti dan qed isiru ukoll sejħiet li d-deforestazzjoni u dak maqbul ma jistgħux ikunu suċċess jekk ma tiġix trattata id-deżertifikazzjoni li għaddejjin minnha partijiet fid-dinja minħabba l-bidla fil-klima.

Xettiċiżmu għall-ftehim 

Għal dan il-ftehim, għalkemm ħafna ddeskrivew bħala pass tajjeb, oħrajn urew ix-xettiċiżmu. Dan anke minħabba esperjenzi passati ta’ miri li ġew stabbiliti li iżda imbagħad ma ntlaħqux.

Cassie Dummett, riċerkatriċi fuq il-foresti tropikali, wara dan il-ftehim esprimiet il-kumment tagħha. Hi ddikjarat li “l-industriji l-kbar kienu kkommettew ruħhom biex iżidu l-azzjoni u dan sa minn żmien id-Dikjarazzjoni ta’ New York. Dak li għaġġlu biex biss ir-rata ta’ deforestazzjoni. Impenn kbir bħal dan tad-deforestazzjoni hu milqugħ, imma li hemm bżonn hu policies u azzjoni”.

Dustin Benton  minn Green Alliance jiddikjara li “l-aħbar sa issa hi dwar id-deforestazzjoni. Dak li kkomettew ruħhom għalih il-mexxejja dinjin hu pass ‘l quddiem.  Imma dan l-impenn hu biss xi ħaġa ta-bidu. Hemm bżonn titnaqqas id-domanda għall-prodotti li qed jikkawżaw id-deforestazzjoni”.

Carlos Rittl, li jaħdem fil-Brażil għa Rainforest Foundation Norway, wara li ħarġet l-aħbar tal-ftehim ikkummenta li “ċekkijiet b’ammont kbir ta’ flus mhux se jsalvaw il-foresti, jekk dawk il-flus ma jmorrux f’idejn tajba. Hu ddikjara li dawn il-flus għandhom imorru għand il-kommunitajiet indiġeni u oħrajn li huma kommessi li jipproteġu l-foresti.

Smari McCarthy, politiku mill-Iżlanda jiddikjara li “hemm kwistjoni oħra importanti u din hi dik li rridu nnaqqsu ir-rata tad-deżertifikazzjoni, jiġifieri li aktar u aktar żoni qed jispiċċaw deżert minħabba l-bidla fil-kima.  Id-deżertifikazzjoni u d-deforestazzjoni huma marbutin flimkien. L-ebda pjan li se jitratta l-bidla fil-klima mhu se jkun suċċess jekk ma jitrattax id-deżertifikazzjoni”.  Jikkummenta li “rridu naraw u dan narawh ‘l quddiem kemm dan il-ftehim se jkollu snien”. 

Kienu diversi l-attivisti li esprimew xettiċiżmu minħabba li fis-sena 2014 kien hemm miri oħra li ma intlaħqux. Dan flimkien mal-fatt li anke fi-passat kien hemm dikjarazzjonijiet biex jiġu salvati l-foresti imma dawn ma waqqfux il-qerda tal-istess foresti.

Minkejja dan, il-pass qed jitqies pożittiv għax din id-darba hemm pajjiżi bħal Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Brażil, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u Papua New Guinea li kollha huma favur dan il-ftehim.

Il-ftehim

Bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim, magħruf bħala il-Glasgow Leaders Declaration on Forest and Land Use, il-Prim Ministri tal-pajjiżi li se jiffirmawh se jkunu qed jikkommettu ruħhom li jipproteġu l-foresti u l-eko sistemi.

Mid-diskorsi li saru ħareġ li l-Indja, li hi t-tielet l-aktar pajjiż li jniġġes fid-dinja, stabbilixxiet il-mira li sas-sena 2070 tkun ‘net zero emissions’. Din il-mira qed titqies bħala waħda realistika, għalkemm 20 sena tard mill-mira ta’ 2050 li kienet ġiet stabbilita bħala li fiha l-pajjiżi jkunu ‘net zero emissions”.

Il-ftehim jinkudi pakkett ta’ £5.3 biljun ta’ finanzjament ġdid mill-privat u £8.75 bijun ta’ fondi pubbliċi biex jiġu mgħejjuna kommunitajiet indiġeni, jiġu protetti l-foresti u jitnaqqsu n-nirien fil-foresti.

Ir-Red Rebel Brigade fit-toroq ta’ Glasgow

Intant fit-toroq ta’ Glasgow waqt li għaddejja l-COP26, spikkaw ir-Red Rebe Brigade. Lebsin l-aħjar, kulur id-demm ‘komuni’ tal-bniedem. Dawn huma gruppi li llum dejjem aktar jinfirxu, magħmulin minn artisti u nies oħra, li jagħmlu rappreżentazzjonijiet paċifiċi fit-toroq dwar temi li jkunu qed jolqtu l-umanità, inkluż il-bidla fil-klima.

L-isfond tal-ftehim… il-Brażil iżid it-tniġġis mid-diossidu tal-karbonju

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Brażil żdiedu b’xejn inqas minn 9.5 fil-mija fis-sena 2020 u dan minħabba żieda fid-deforestazzjoni (qtugħ ta’ siġar) mill-foresta tal-Amazon, li hi meqjusa bħala wieħed mill-pulmuni tad-dinja. Jirriżulta li waqt li ħafna pajjiżi waqt il-pandemija ipproduċew inqas emissjonijiet tal-karbonju, il-Brażil fis-sena 2020 tefa’ fl-arja xejn inqas minn 2.16 biljun tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju, u dan juri żieda fuq is-sena 2019 meta dakinhar id-diossidu tal-karbonju li intefa’ fl-arju mill-Brażil kien ta’ 1.97 biljun. 

Kif l-Unjoni Ewropea qed tikkontribwixxi għad-deforestazzjoni 

Jekk nieħdu x’qed jiġri fl-Ewropa u fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea naraw li b’mod ġenerali il-foresti qed jitkabbru u dan għax aktar irżiezet qed isiru iżgħar u inqas minn kemm kienu qabel.  Forsi din tista’ titqies bħala aħbar tajba, imma jekk wieħed jara l-istampa kollha isib li s-sitwazzjoni hi ferm u ferm differenti minn hekk. Dan għax l-Unjoni Ewropea timporta għadd kbir ta’ prodotti minn pajjiżi terzi u dawn il-prodotti biex jiġu manifatturati u biex ilaħħqu mad-domanda qed jispiċċaw dejjem jieħdu akta artijiet mill-foresti.

Filfatt hu stmat li l-Unjoni Ewropea matul is-sena 2020 imputat xejn inqas minn €140 biljun fi prodotti agrikoli minn pajjiżi terzi. Fost dawn il-prodotti  hemm il-kafe, soya, beef, cocoa, palm oil u oħrajn. Dawn kollha huma responsabbli għal  deforestazzjoni. 

Quddiem dan, pajjiżi bħal Franza u dan wara li kien  ġie adottat rapport mill-Parlament Ewropew, tħejjew strateġiji biex jikkumbattu id-deforestazzjoni impurtata. 

Foresti tropikali qed jitilfu l-foresti bir-rata ta’ 10 miljun ettaru fis-sena

Daqqa t’għajn lir-rapport tal-Organizazzjoni Dinjija għall-Ikel (FAO) insibu li f’żoni tropikali il-foresti qed jitilfu l-art tagħhom bir-rata ta’ madwar 10 miljun ettaru fis-sena.  Minn dan it-telf ta’ art għall-foresti, żewġ terzi minnhom huma attribwiti għal attivita agrikolari, waqt li telf l-ieħor hu attribwiti għal qtugħ ta’ siġar għal-injam u nirien. 

Ekonomija

Sport