Bid-dmugħ f’għajnejh, Roger Federer sellem lit-tennis professjonali wara li ngħaqad ma’ sħabu Rafael Nadal f’lejla emozzjonali fil-Laver Cup.
Federer, li għandu 41 sena, ingħata tislima mill-isbaħ hekk kif irtira mill-karriera professjonali.
L-Isvizzeru, li rebaħ 20 titlu tal-Grand Slam singles, huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa players fl-istorja tat-tennis.
“Kienet ġurnata mill-isbaħ. Ninsab kuntent, mhux imdejjaq. Inħossni tajjeb ħafna li qiegħed hawn. Ninsab kuntent li għamiltha,” qal.
Federer beka hekk kif għannaq lil Nadal u players oħra, imbagħad ingħata applaws kbir mill-eluf ta’ partitarji li kantaw ismu fl-O2 Arena f’Londra.
Nadal ukoll ma setax iżomm lura d-dmugħ. L-Ispanjol ta’ 36 sena beka hekk kif qagħad maġenb Federer hekk kif qagħdu jisimgħu lill-kantanta Ingliża, Ellie Goulding, f’lejla memorabbli.
Federer u Nadal – għal tant żmien rivali fl-ogħla livell – ingħaqdu biex jilagħbu fid-doubles kontra l-Amerikani Jack Sock u Frances Tiafoe fl-avveniment annwali bejn it-team tal-Ewropa u dak tal-bqija tad-dinja.
Federer u Nadal ħarġu telliefa 6-4 6-7 (2-7) 9-11.
Din it-telfa ġabet fi tmiemha l-karriera professjonali ta’ 25 sena tal-eks numru wieħed fid-dinja wara l-1,750 partita kompetittiva tiegħu fis-singles u fid-doubles.
“Kien vjaġġ perfett. Nixtieq nagħmel dan kollu mill-ġdid,” qal Federer waqt li pprova jżomm id-dmugħ waqt l-aħħar diskors tiegħu.