Ġiet imwettqa miżura oħra tal-budget għal din is-sena – dik ta’ roħs fit-taxxa tal-bejgħ għal djar mikrijin b’rati affordabbli – li se tidħol fis-seħħ b’effett immedjat. Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Permezz ta’ din il-miżura, sidien ta’ proprjetajiet li ilhom jinkrew b’rati affordabbli għal mill-inqas 10 snin u li jagħżlu li jbigħu l-proprjetà lill-inkwilini li jgħixu fihom jew lil uliedhom li jgħixu fl-istess dar, ma titħallas ebda taxxa fuq il-bejgħ, la mis-sid u lanqas mix-xerrej, sa valur ta’ €200,000.
Bl-istess mod, sidien ta’ proprjetajiet li ilhom jinkrew b’rati affordabbli għal mill-inqas 3 snin imma mhux aktar minn 10 snin, u li jagħżlu li jbigħu l-proprjetà lill-inkwilini li jgħixu f’dik il-proprjetà jew lil uliedhom, titħallas biss 50% tat-taxxa tal-bejgħ mill-bejjiegħ u mix-xerrej fuq l-ewwel €200,000 f’valur.
Il-kirja tal-proprjetajiet li jikkwalifikaw għal din il-miżura bħala “Rati Affordabbli” se tkun marbuta mal-perċentwal ta’ 85% tal-prezz indikat fl-indiċi tal-Awtorità tad-Djar, skont ir-reġjun applikabbli, li jirrifletti l-medja tal-prezz tal-kera fir-reġjun rispettiv u jieħu kont ukoll tad-daqs tad-dar.
Il-Ministru Roderick Galdes qal li din hija skema oħra li qed turi biċ-ċar l-impenn ta’ dan il-gvern li joffri soluzzjonijiet adegwati u aċċessibbli għal kulħadd u joffri għajnuna konkreta. Huwa tenna li dan l-inċentiv se jkun qed joffri stabilità aktar b’saħħitha lil diversi inkwilini u jgħin biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom.
Huwa fisser kif għalkemm l-iskema nnifisha ma tispeċifikax li l-proprjetà trid tkun suġġetta għal kirjiet kontrollati, hemm numru sostanzjali ta’ proprjetajiet suġġetti għal dawk li kienu l-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 li jinkwadraw fil-kritjerji ta’ din l-iskema, u għaldaqstant hija miżura li tagħti soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet u bil-wisq aktar stabilità lill-inkwilini. Il-Ministru Galdes enfasizza wkoll li miżura bħal din tkompli tippromwovi mudelli sostenibbli u tippremja sidien li jħarsu fit-tul u joffru l-istabilità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay qal li l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tħaddem din l-iskema mill-fażi tal-applikazzjoni sal-ħruġ taċ-ċertifikat li permezz tiegħu s-sidien u l-inkwilini mhu se jħallsu ebda taxxa sal-valur ta’ €200,000. F’din l-iskema s-sidien u l-inkwilini se jkunu qed japplikaw flimkien peress li l-għajnuna se tingħata fuq bażi tar-relazzjoni ta’ bejniethom, kif ukoll peress li t-tnejn li huma se jgawdu minn din l-inizjattiva.