Wednesday, April 24, 2024

“Żdiedu xi ftit l-opportunitajiet għall-kantanti Maltin għalkemm xorta ngħid li aħna limitati”

Aqra wkoll

Nadine Fenech hi kantanta Maltija li twieldet fil-25 t’Ottubru 1981. Oriġinarjament hi mill-Birgu għalkemm illum il-ġurnata tgħix il-Fgura. Nadine taħdem ukoll bħala stilista tax-xagħar.

Nadine kibret f’ambjent totalment mużikali. Kif tgħidilna f’intervista li ħalliet ma’ dan is-sit, Nadine minn dejjem tiftakarha tisma’ l-mużika u tiżfinha minħabba li ommha u missierha kienu jipparteċipaw b’mod sħiħ fiż-żfin ballroom u latin. Huma kienu jikkompetu wkoll f’diversi avveniment, iġifieri kulfejn kienet tmur il-mużika kienet parti importanti minn ħajjitha.

“Il-ġenituri tiegħi introduċewni f’ambjent mużikali u ta’ ħames snin bdejt niżfen u anke nirreċta quddiem udjenza kbira. Meta kelli 12-il sena, huma kienu kitbuni ma’ Aceline Dance and Singing Company. Kien hemmhekk li ndunajt bil-ħiliet tiegħi fil-kant.”

Nadine tgħidilna li ħadet il-kant bis-serjeta’ tant li ġieli kienet tkanta waħidha d-dar fl-eta’ ta’ 11-il sena mingħajr qatt ma marret f’xi akkademja tal-mużika. Mhux l-ewwel darba li kienet tfittex ħafna l-karaokes meta tfarfret ftit u ma kinitx sorpriża li ta’ 14-il sena ħadet sehem fl-ewwel festival tagħha.

Fis-sena 2006, Nadine bdiet tieħu sehem f’avveniment mużikali immirati għaż-żgħażagħ fejn kellha wkoll kollaborazzjoni ma’ Tenishia. Kienu sentejn u nofs mill-aqwa tant li isimha sar aktar popolari bin-nies li aktar bdew ifittxuha. Fis-sena 2008 kienet ingħaqdet mal-grupp hip hop bl-isem ta’ Sixth Simfoni.

“Waħda mill-esperjenzi li diffiċli ninsa kien meta morna f’Ibiza sabiex nirrekordjaw album u hemmhekk għamilna ħanfa gigs.

Sadanittant hi ħadet sehem ukoll fl-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Il-Biża u Jien b’lirika ta’ Rita Pacde u kompożizzjoni ta’ Pamela Bezzina. Hi ħadet l-unur tal-aqwa interpretazzjoni.

F’dawn l-aħħar snin rajna lil Nadine Fenech tieħu sehem ukoll f’X-Factor. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza tagħha?

“Bla dubju li kienet esperjenza ferm sabiħa. Jien ħassejtni tgħallimt ħafna u tara affarijiet li fuq it-televiżjoni lanqas biss toħlom li tara. Tinduna l-programmazzjoni u l-organizzazzjoni li għandhom u kif int tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni għal xi minuti meta tinterpreta l-kanzunetta tiegħek.”

“Fuq kollox, l-isbaħ u l-iktar mumenti eċitanti huwa meta tgħaddi għall-fażijiet l-aktar kruċjali tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-iktar mument iebes hu meta int tiġi mifruda minn mal-grupp li int tant tkun drajt minħabba li xi kantanti jridu jinqalgħu mill-kompetizzjoni.”

Ix-xewqa ta’ Nadine issa hi dik li tipparteċia f’żewġ festivals kbar li huma Mużika Mużika u l-Malta Eurovision Song Contest. 

“Inqis li dawn iż-żewġ festivals għandhom dimensjoni ferm kbira u prestiġġjuża. Nixtieq li nipprova nagħmilha mqar għal tnejn minnhom għalkemm naf li l-kompetizzjoni hi waħda kbira.”

Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol ta’ stilista tax-xagħar u mal-kant?

“L-ewwelnett peress li jien naħdem bħala stilista tax-xagħar, għalhekk nista’ nkun sidt tiegħi nnifsi u niddeċiedi l-ħinijiet tax-xogħol li nara li ma jaħbtulix ma’ xi avveniment li nkun se nieħu sehem fih. Imbagħad trid tkun int li torganizza xogħlok kif suppost sabiex verament tara li tlaħħaq.”

Nadine tgħidilna li bil-mod il-mod qed tikkalma mill-gigs minħabba li joħdulha ħafna enerġija speċjalment meta jkun hemm xi avveniment fejn ikun hemm ħafna nies. Hi tgħid li għandha proġetti ġodda ġejjin u għalhekk il-gigs iridu jonqsu bilfors għax inkella ma tkunx tista’ tespandi l-vuċi.

Saqsejna lil Nadine Fenech x’inhi l-opinjoni tagħha rigward ix-xena mużikali f’Malta.

“Nista’ ngħid li xi ftit jew wisq żdiedu l-opportunitajiet għall-kantanti Maltin għalkemm xorta ngħid li aħna limitati. Nerġa’ ngħid, opportunitajiet qed jiżdiedu, inħolqu ħafna festivals u avvenimenti oħra iżda xorta mhux biżżejjed.”

“Inġib eżempju tal-mużika rap. Dan il-ġeneru għandu udjenza wisq baxxa u għalhekk ovvja li l-opportunitajiet ikunu limitati. Hemm ġeneri oħra li għandhom ċerti segwaċi. Fl-opinjoni tiegħi rridu ninvestu aktar fil-mużika.”

Saqsejna lil Fenech kif taħseb li se jkun il-futur tagħha. Hi tirrispondi billi tgħid li l-jiem, il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu mimlija esperimenti fil-karriera tagħha. Hi kellha ħafna vidjows mużikali bl-Ingliż iżda issa jidher li se tkun qed tkanta anke materjal bil-Malti.

“Naħseb li f’dawn l-aħħar snin, kelli ħafna xogħlijiet bil-lingwa Ingliża u wasal iż-żmien li nibda nagħmel kanzunetti bil-Malti.”

“Ninnota li meta jien inkanta bil-Malti, l-udjenza preżenti tkun aktar parteċipattiva forsi għax ċerti kanzunetti huma ferm popolari.”

Nadine Fenech tgħid li llum sar diffiċli li kantant joħroġ b’xi album u għalhekk iktar timmira li tmur għal singles li fl-aħħar mill-aħħar xorta jkollha s-suċċess mixtieq.

Finalment tlabna lil Nadine sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera mużikali.

“L-ewwel nett jien ngħidilhom li importanti li jsibu l-post naturali tagħhom fix-xena mużikali. Meta ngħid hekk inkun qed infisser li fil-mużika hawn ħafna afffarijiet x’tagħmel iġifieri tkanta, iddoqq u tiżfen. Jien kont bdejt biż-żfin iżda fl-aħħar mill-aħħar għażilt il-kant li għalija hu n-niċċa tas-suċċess.”

Sport