Monday, December 9, 2024

ROĦS IEĦOR TA’ MEDIĊINI GĦALL-BENEFIĊĊJU TAL-PAZJENTI

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, il-Gvern ħabbar roħs ieħor fil-prezzijiet tal-mediċini. Il-mediċini li roħsu, 54 b’kollox, jintużaw f’kundizzjonjiet bħal dijabete, il-pressjoni għolja, fibromyalgia, aċidu fl-istonku, il-kolesterol għoli, antibijotiċi, mediċini għall-osteoporożi u oħrajn għat-trattament tas-saħħa mentali. Ma’ dawn ukoll iddaħħlu f’Malta 10 mediċini ġodda tat-tip generic bi prezzijiet vantaġġjużi.

Dawn ir-riżultati setgħu jinkisbu grazzi għall-ħidma sfiqa li saret mill-awtoritajiet kompetenti fl-aħħar xhur, ewlenin fosthom l-Awtorità tal-Mediċini u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Ħidma li saret wara analiżi li involviet ukoll id-distributuri farmaċewtiċi lokali u internazzjonali u eventwalment kien hemm il-ftehim li wassal biex jiġu mraħħsa numru ta’ mediċini f’pajjiżna.

Dan kollu sar f’ċirkostanzi straordinarji fl-Ewropa u anke lil hinn, bl-għan aħħari tal-Gvern jibqa’ dak li jżomm il-kura tal-pazjenti u anke lill-konsumatur fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Xhieda wkoll tal-impenn li tkun indirizzata l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja fl-istess waqt li jkun żgurat l-aċċessibilità f’mediċini ta’ kwalità.

Minbarra f’dan, Malta qiegħda taħdem mal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u l-Kummissjoni Ewropea biex tinħoloq sistema fejn meta persuna li tkun barra mill-pajjiż u tmur biex tixtri mediċini, din ikollha barcode speċjali li jagħmilha possibbli li tinqara b’mod diġitali bil-Malti jew bl-Ingliż. Huwa tajjeb għalhekk li pajjiżna jkompli japprofitta ruħu mill-avvanzi teknoloġiċi li qed isiru b’od mgħaġġel u kontinwu.

Dan ir-roħs fil-mediċini bla dubju se jinżel tajjeb ma’ dawk il-persuni li għandhom bżonn il-mediċini li traħħsu fil-prezz. U dan bir-raġun għaliex qatt ma tista’ tiġi aċċettata sitwazzjoni fejn isiru attentati għal profitti eċċessivi a skapitu tal-mard tan-nies. Qatt ma nistgħu naċċettaw li jkun hawn min ma jiflaħx jixtri l-mediċini li jkollu bżonn.

Dan ir-roħs jista’ jwassal ukoll biex il-pazjenti Maltin minbarra li jsibuhom bi prezz imraħħas, mhux se jkun hemm bżonn li xi wħud minnhom isiefru lejn pajjiżi oħra fejn il-mediċini jistgħu jkunu ferm orħos minn dawk ta’ pajjiżna. B’hekk jidher li se jintlaħqu żewġ skopijiet għall-benefiċċju għal dawk li għandhom bżonn kontinwu ta’ dawn il-mediċini fil-kura ta’ saħħithom.

Ekonomija

Sport