Friday, October 18, 2024

Roman Abramovich irid lura s-self li ta lil Chelsea

Aqra wkoll

Jekk Roman Abramovich irid flusu lura, għaldaqstant l-imħatri kollha huma “mitfija” għal Chelsea.

Minħabba li Abramovich qed jitlob li s-self tiegħu ta’ £1.6 biljuni jitħallas lura jagħmilha prattikament impossibbli għall-Gvern tar-Renju Unit li japprova l-bejgħ tal-klabb. Il-Prim Ministru Boris Johnson stess ħareġ pubblikament u nsista li l-biljunarju Russu m’għandux jirċievi ċenteżmu mid-dħul. Iżda issa hemm il-biża’ li Abramovich se jerġa’ jmur għall-wegħda tiegħu li jwaqqaf il-flus li sellef lil Chelse u jitfa’ l-proċess kollu f’kaos.

Din hija problema kbira għall-klabb proprju meta deher li l-ko-proprjetarju ta’ LA Dodgers, Todd Boehly, kien se jixtri lill-Blues. Boehly intgħażel bħala l-favorit min-negozjanti tal-Istati Uniti, il-Grupp Raine, li huma responsabbli mill-bejgħ tal-klabb. Il-grupp ta’ Boehly issa jinsab f’perjodu ta’ ħamest ijiem ta’ taħdidiet esklussivi biex il-ftehim isir – iżda l-kwistjoni tas-self ta’ Abramovich qed tkun ta’ tfixkil kbir.

Is-sid ta’ Chelsea, li bħalissa jinsab sanzjonat mill-Gvern Ingliż, inizjalment wiegħed li jwaqqaf is-self. Huwa wiegħed ukoll li jagħti d-dħul kollu mill-bejgħ f’karità għall-vittmi tal-gwerra fl-Ukraj­na. Iżda dan qanqal il-prospett li xi flus jispiċċaw f’idejn suldati Russi midruba – xi ħaġa li r-Renju Unit ma setax iniżżel. Il-gvern issa jrid jiddeċiedi jekk jiffriżax il-flus jew jiddevjax lejn il-kawżi ta’ karità tiegħu stess.

Iżda x’jiġri mis-self wieħed għad irid jara – bil-ministri jisħqu fuq il-pożizzjoni tagħhom li l-ebda flus ma jispiċċaw lura fil-but ta’ Abramovich. Dan iqajjem il-prospett ta’ xenarju tat-tmiem possibbli tar-relazzjoni bejn Abramovich u l-klabb hekk kif il-liċenzja operattiva tiegħu tispiċċa fil-31 ta’ Mejju.

Jekk il-klabb ma jinbigħx sa dak iż-żmien se jkun awtomatikament imwaqqaf milli jikkompeti fil-Premier League fl-istaġun li ġej. X’futur possibbli hemm għall-klabb ta’ Stamford Bridge, jekk jiġri hekk, għad irridu naraw.

Iktar ma jgħaddi ż-żmien is-sitwazzjoni qed tkompli tikkomplika ruħha – mhux l-inqas għall-mijiet ta’ impjegati ta’ Chelsea li bħalissa qed jibżgħu għall-għaj­xien tagħhom.

Sport