Romelu Lukaku jgħid li l-players tal-football jistgħu jagħmlu aktar biex jindirizzaw ir-razziżmu milli sempliċiment joqogħdu għarkopptejhom qabel il-partiti u jrid li kumpaniji tal-media soċjali jiltaqgħu ma’ plejers biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-kwistjoni tal-abbuż razzjali online.
L-attakkant ta’ Chelsea qal li l-ġest waħdu mhux biżżejjed għax il-plejers qed ikomplu jirċievu abbuż.
“Naħseb li nistgħu nieħdu pożizzjonijiet aktar b’saħħithom,” qal Lukaku.
“Qed noqogħdu għarkupptejna, kulħadd qed iċapċap, imma xi kultant wara l-logħba tara insulti oħrajn.”
Il-player ta’ 28 sena żied: “Għandna sempliċement noqogħdu madwar il-mejda u jkollna laqgħa importanti dwar dan is-suġġett – u niddiskutu kif nistgħu nattakkawh mill-ewwel, mhux biss fil-logħba tal-irġiel, iżda wkoll f’dik tan-nisa.”
Il-players tal-Premier League qed joqogħu għarkupptejhom qabel il-logħob fi protesta kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni minn meta reġa’ beda jintlagħab il-football f’Ġunju 2020 wara sospensjoni ta’ tliet xhur kawża tal-pandemija tal-coronavirus.
Sieħeb tat-team ta’ Lukaku Marcos Alonso żvela aktar kmieni din il-ġimgħa li mhux se jibqa’ jagħmel il-ġest għax ħass li qed jitlef l-impatt tiegħu u minflok se jindika lejn il-badge ‘le għar-razziżmu’ fuq il-flokk.
L-attakkant ta’ Crystal Palace Wilfried Zaha adotta pożizzjoni simili l-istaġun li għadda.
F’April, clubs tal-football, players, atleti u numru ta’ korpi sportivi kellhom bojkott fuq il-media soċjali ta’ erbat ijiem bit-tama li jħeġġu lill-kumpaniji biex jieħdu pożizzjoni aktar b’saħħitha kontra l-abbuż razzjali u sessista minn pesruni differenti.
Lukaku jemmen li l-kwistjoni tista’ tiġi indirizzata b’suċċess jekk kulħadd jaħdem flimkien u jiġbed ħabel wieħed.