Saturday, November 23, 2024

Rondi mill-Pulizija jsarrfu f’sejbien ta’ pakketti żgħar ta’ droga; Fost oħrajn jitwaqqfu wkoll persuni li kienu qed jitlajjaw bi skop ta’ prostituzzjoni

Aqra wkoll

Matul il-lejl illi għadda, il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun issoktaw b’aktar rondi u spezzjonijiet, kemm fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll madwar it-toroq fil-Marsa. 

Assistiti mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Klieb (K9), il-Pulizija għamlu spezzjonijiet fi Ġnien Spencer u fi Ġnien Belvedere, fil-Marsa, fost oħrajn. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, iż-żewġt iklieb tal-Pulizija sabu xi pakketti żgħar, possibbilment bi traċċi ta’ sustanzi llegali. Dawn ġew ikkonfiskati mill-Pulizija. 

Waqt ronda fi Triq Belt il-Ħażna, ġew innutati vetturi abbandunati. Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi. Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih. 

Waqt l-ispezzjonijiet fi Triq Belt il-Ħażna u fl-akwati ta’ Triq is-Salib tal-Marsa, twaqqfu ħames persuni li allegatament kienu fl-akwati bi skopijiet ta’ prostituzzjoni u tlajjar. 

Il-Pulizija għamlu wkoll spezzjonijiet f’diversi ħwienet madwar il-Marsa, fejn dawk li kienu qegħdin joperaw wara l-ħin stipulat bil-liġi ntalbu sabiex jagħlqu minnufih. Ħwienet oħrajn madwar il-Marsa, li nstabu miftuħin u li kienu konformi mal-liġi, tħallew joperaw. 

Intant issoktaw ukoll l-ispezzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett, din id-darba assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, f’diversi toroq fil-Ħamrun. Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti, fejn dawk li nstabu joperaw barra mill-ħin stipulat bil-liġi ngħalqu. Saret ukoll spezzjoni fi Ġnien Oreste Chircop. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali. 

L-Ispettur Matthew Galea, responsabbli mid-Distrett tal-Ħamrun qal li “waqt dawn ir-rondi, il-Pulizija waqfu jitkellmu mal-membri tal-pubbliku. Ħeġġiġna lin-nies biex jekk ikollhom bżonn xi assistenza, iċemplu l-Għassa tal-Ħamrun għax aħna qegħdin hemm biex ngħinuhom. Il-pubbliku wera l-apprezzament tiegħu lejn il-preżenza tal-pulizija fit-toroq u l-pubbliku anke rringrazzjawhom tax-xogħol li qegħdin iwettqu.”

Sport