Minn Cristian Muscat
Ronnie Spiteri huwa isem sinonimu mad-dixxiplina, l-esperjenza u l-professjonalità fil-waterpolo Malti u Ewropew. Referee internazzjonali ta’ livell għoli, Spiteri ilu snin twal jirrappreżenta lil Malta b’dinjità fuq l-akbar xeni jew avvenimenti tal-waterpolo, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna.
L-aħħar impenn tiegħukien bħala parti mid-delegazzjoni Maltija fin-Nordic League f’Antwerp, il-Belġju, fejn irreffja kemm logħbiet tan-nisa kif ukoll tal-irġiel fil-Group A u jkompli jikkonferma r-reputazzjoni soda li bena tul il-karriera tiegħu.
Karriera li waslet għall-qofol tagħha f’Awwissu tal-2022, meta Ronnie Spiteri ġie magħżul sabiex jikkontrolla l-finali tal-Kampjonat tad-Dinja U16 bejn il-Greċja u l-Ungerija, li sar f’Volos, il-Greċja. Finali ta’ livell għoli ferm, mirbuħa mill-Ungerija bl-iskor ta’ 11-10, u unur kbir mhux biss għal Spiteri personalament, iżda għall-komunità kollha tal-waterpolo Malti. Kampjonat li fih Malta wkoll kellha prestazzjoni pożittiva, hekk kif it-tim nazzjonali temm fit-12-il post minn total ta’ 25 pajjiż.
Aħna ħadna l-kummenti ta’ Ronnie Spiteri nnifsu f’intervista li tana ftit tal-jiem ilu.
“Li tiġi magħżul għall-finali bħal dik hu mument li diffiċli tiddeskrivih,” jgħid Spiteri. “Taf li hemm responsabbiltà kbira, imma fl-istess ħin hemm sodisfazzjon enormi li l-federazzjonijiet internazzjonali jafdawk f’logħba ta’ dak il-livell.”
Illum Ronnie Spiteri huwa referee stabbilit mal-European Aquatics u għandu esperjenza vasta f’diversi kampjonati Ewropej. Ikkontrolla xi logħbiet b’mod regolari fil-kampjonati Taljani A1 u A2 li bla dubju huma meqjusa fost l-aktar kompetittivi fl-Ewropa – kif ukoll f’diversi tournaments u leagues oħra. F’Settembru tal-2024, serva wkoll bħala guest official fil-British Water Polo League (BWPL) waqt l-avveniment prestiġjuż f’Ponds Forge, Sheffield, esperjenza li kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-federazzjonijiet Maltija u Brittaniċi.
Spiteri huwa wkoll parti regolari mid-delegazzjonijiet Maltin f’avvenimenti internazzjonali, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aquatic Sports Association of Malta u l-Malta Referee Association. “Nixtieq nirringrazzja lill-ASA u lill-Malta Referee Association għall-appoġġ kontinwu u għall-kollaborazzjoni biex jitwaqqfu dawn id-delegazzjonijiet,” sostna Spiteri. “Mingħajr strutturi u nies li jemmnu fik, ma tasal imkien.”
Interessanti li qabel ma sar referee, Ronnie Spiteri kien hu stess plejer. Fil-fatt, kien goalkeeper ta’ livell għoli ma’ Sirens Waterpolo Club, u anke ntgħażel mat-tim nazzjonali Malti. “L-esperjenza tiegħi bħala plejer għenitni ħafna,” jispjega. “Meta tkun taf il-logħba minn ġewwa, tifhem aħjar is-sitwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li trid tieħu bħala referee.”
Ir-rivalità storika bejn Sirens u San Ġiljan ma kinitx ta’ xkiel għalih, anzi kienet sfida oħra. “Irreffjajt ħafna logħbiet kbar, bħal Neptunes kontra San Ġiljan, u f’dawk il-mumenti tħoss li m’hemm ħadd ħlief int u l-logħba,” jgħid. “Trid tkun iffukat, kalm u determinat.”
Minbarra r-refereeing, Spiteri għamel ukoll żmien jikkowċja t-tfal ta’ Sirens, esperjenza li jqisha bħala waħda mill-aktar sodisfaċenti. “Tħarreġ iż-żgħar jagħtik sodisfazzjon differenti. Hija ħasra li kelli nieqaf meta kont wasalt f’livell għoli bħala referee, imma kollox għandu ż-żmien tiegħu.”
Illum, waħda mill-akbar tħassib tiegħu hija n-nuqqas ta’ referees ġodda. “Hemm bżonn iktar irġiel u nisa li jidħlu fir-refereeing,” jisħaq. “Mhux faċli għax bħalma taf int li tkun regolarment il-pixxina ssib nies li xejn ma jkunu ħelwin miegħek fid-diskors tagħhom għax jinsulentawk, u trid tkun persuna soda u dixxiplinata. Imma fl-istess ħin, dan ir-rwol jgħinek tikber bħala persuna.”
Spiteri jwissi li jekk ma jkunx hemm investiment serju fi referees żgħażagħ, f’ħames snin oħra Malta tista’ ssib ruħha f’diffikultà. “Inkella jkollna mmorru għal xi referees barranin,” jgħid. Madankollu, huwa ottimist dwar xi ismijiet emerġenti. “Massimo, Alex, Stefan, Luke Gales huma promettenti ħafna. Għandna wkoll nisa li qed jippruvaw jidħlu, għalkemm mhux faċli.”
Dwar il-livell ġenerali tal-waterpolo Malti, Spiteri jemmen li saru avvanzi kbar. “Illum għandna faċilitajiet aħjar b’pixxini ġewwa kif ukoll anke oħrajn bis-sistema ta’ sħana bħal ta’ Neptunes, Sirens, Kottonera, u anke Għawdex. Riċentement irreffjajt logħba Portugall kontra Malta f’Għawdex, u kollox kien organizzat tajjeb ħafna. Għawdex qed jagħmel ħafna ġid, u hawnhekk irrid insemmu wkoll il-ħidma ta’ Karl Izzo, il-president tal-Aquatic Sports Association.”
Rigward il-futur, Ronnie Spiteri għandu messaġġ ċar għal dawk li qed jaħsbu biex jidħlu fid-dinja tar-refereeing. “Kieku għadni żgħir, nerġa’ nagħżel din il-karriera mingħajr ma naħsibha,” jgħid. “Bħala referee għandek iċ-ċans li tirrappreżenta lil Malta f’kampjonati Ewropej, Champions League u avvenimenti ta’ livell għoli. Toħloq ħbiberiji ġodda, tivvjaġġa, u tkun parti minn familja internazzjonali.”
B’esperjenza ta’ aktar minn 40 sena fl-isport, u b’karriera mimlija mumenti memorabbli, Ronnie Spiteri jibqa’ figura ta’ rispett u ispirazzjoni fil-waterpolo Malti. Il-vjaġġ tiegħu juri li b’dedikazzjoni, dixxiplina u mħabba lejn il-logħba fejn anke uffiċjal minn pajjiż żgħir jista’ jasal fl-ogħla livelli internazzjonali.

