Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, u qalet li ddeċidiet li tiffoka fuq “il-karriera ġdida tagħha”.
Fuq Facebook, Dr Borg Knight qalet li hija ilha kandidata mal-PN għal dawn l-aħħar tmien snin. Qalet li hekk kif se timxi ‘l quddiem fil-karriera ġdida tagħha, se tkun qiegħda tagħmel dan b’sens ta’ gratitudni lejn dawk kollha li appoġġjawha.
Borg Knight kienet se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista fuq id-9 u l-10 Distrett. Hija kienet ukoll ikkontestat l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.
Borg Knight hija t-tieni kandidata tal-PN li rtirat il-kandidatura tagħha mid-9 u l-10 Distrett wara li aktar kmieni din is-sena, Tiffany Abela-Wadge, wkoll irtitrat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.