Tuesday, April 23, 2024

NGĦINU B’IMĦABBA LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ VITTMI TAD-DROGA

Aqra wkoll

Kull nhar ta’ Ħadd f’dan il-sit nelenka punti mill-ħidma li jkun qiegħed iwettaq il-Gvern. Nisħaq li dawn il-bidliet isiru għax għandna Gvern riformista, li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet u jagħmel il-bidliet. Nhar it-Tlieta ġie inawgurat l-ewwel ċentru terapewtiku f’Malta għall-adoloxxenti ta’ bejn it-12 u s-17-il sena li waqgħu fil-vizzju tad-droga. Dan iċ-Ċentru Tal-Ibwar li se jkun qed jitmexxa minn Caritas Malta se jilqa’ fih żgħażagħ u se joffri programmi residenzjali u oħrajn ta’ matul il-jum għal aktar minn għoxrin żagħżugħ u żagħżugħa.

Dan iċ-ċentru modern huwa mgħammar b’faċilitajiet sportivi u akkademiċi. Se jkun qed jgħin li dawn iż-żgħażagħ jitgħallmu xi snajja’ u jtejjbu l-ħiliet tagħhom. Dan huwa l-mod ġdid kif irridu nħarsu lejn id-dixxiplina f’dan il-pajjiż. Il-bogħod mill-kastig wieħed għandu jara kif dawn il-vittmi minn dan il-vizzju qerriedi jistgħu jiġu mgħejjuna bil-ħsieb li jkunu riformati u jkomplu b’ħajjithom. 

Huwa importanti li f’dan il-pajjiż nagħmlu bidliet fil-mentalità tagħna li ilha magħna snin. Irridu naġġornaw u nżommu l-pass mad-dinja moderna. Ma nistghux nibqgħu naħsbu b’mentalità antika għax dak li kien jgħodd qabel mhux bilfors għadu jgħodd sal-llum. B’danakollu, ma jfissirx li wieħed jinsa l-valuri li aħna lkoll imsawrin bihom imma huwa l-mod ta’ kif nagħmlu l-affarijiet li jridu jinbiddlu. Fejn qabel kien jigi promoss il-kastig illum il-professjonisti jgħidulna li huwa iktar faċli li tirriforma persuna bl-imħabba u bl-edukazzjoni biex wara ż-żmien stipulat l-istess persuna jkun kapaċi jgħix b’mod normali u indipendenti. Ma nistgħux nibqgħu niġġudikaw u nistmgħu lil kulħadd f’keffa waħda.  Meta xi ħadd jinqabad fil-vizzju tad-droga, m’għandux jiġi stmat ta’ kriminal imma għandu jsib il-kenn, l-għajnuna u l-wens li jkollu bżonn biex jerġa’ jaqbad it-triq it-tajba.

Peress li din id-dar se tkun qed tilqa’ żgħażagħ biss, min ser ikun qed jattendi għall-programmi provduti, ser iħossu iktar komdu f’din il-komunità żgħira. L-esperjenza urietna li meta jkun hemm taħlit ta’ età fl-istess ambjent,  ħafna drabi ma jkomplux il-programm ta’ rijabilitazzjoni u jispiċċaw bi problemi soċjali u legali. Din is-sitwazzjoni irridu nevitawha billi nkunu iktar speċifiċi u nsolvu l-problema b’mod iktar dirett. Għalhekk dan iċ-ċentru l-ġdid se jkun qed jilqa’ żgħażagħ minuri li għandhom problemi serji ta’ dipendenza fuq id-droga u li issa għandhom servizz speċjalizzat.

Dawn iż-żgħażagħ jistgħu jidħlu kemm bħala residenti biex jiffukaw fuq it-terapija u l-edukazzjoni li għandhom bżonn kif ukoll jistgħu jattendu matul il-ġurnata imma jibqgħu jgħixu mal-familja tagħhom.  Ser jingħata wkoll appoġġ tas-servizzi psikosoċjali, skond il-livell ta’ bżonn li jkollhom bżonn.

Interessanti wkoll li se jkunu qed jingħataw servizzi psikosoċjali mhux biss lir-residenti imma lill-familji tagħhom ukoll, biex l-għajnuna tinfierex u tingħata b’mod ħolistika.

Dan huwa l-mod kif jintefqu l-flus b’mod bil-għaqal. B’investiment t’aktar minn tliet miljun ewro fuq tliet snin ser inkunu qed ngħinu li dawn iż-żgħażagħ dipendenti mid-droga. 

Għalhekk onestament ma nifhimx kif anke proġett bħal dan ma jsibx l-appoġġ tal-Oppożizzjoni. Din il-ġimgħa, l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, ħareġ jgħid li dan il-progett huwa ‘Fanfarunata’. Kif jista’ qatt ikollok Oppożizzjoni serja u li suppost taspira li tkun fil-Gvern meta suġġett sensittiv bħal dan tirredikolah u tippolitiċizzah? Fuq kollox kemm tista’ tkun aktar maqtugħ mir-realtà biex titkellem b’dan il-mod?

Il-Festi Maltin 

Mhux l-ewwel darba li jien ktibt u tkellimt dwar l-importanza tal-għaqdiet volontarji f’pajjiżna li lkoll jagħtuna l-identità tagħna. Jien li ngħix l-esperjenza ma’ ħafna għaqdiet sportivi, kulturali, reliġjużi eċċ., nifhem sew l-impenn tal-kumitati, il-membri u l-volontiera biex iżommu l-għaqdiet rispettivi tagħhom ħajjin. Jagħmlu dan b’tant dedikazzjoni mingħajr ma jippretendu xejn lura. Illum xtaqt niffoka aktar fuq l-għaqdiet relatati mal-festi reliġjużi.

Huwa fatt li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli ħafna minħabba li l-pandemija laqtithom sew. Dawk involuti qegħdin jiffaċċjaw problemi finanzjarji kbar minħabba li fejn is-soltu kienu jorganizzaw attivitajiet il-ħin kollu biex jaqilgħu xi ħaġa tal-flus, illum qed ikollhom jagħmlu dan b’numru ta’ restrizzjonijiet li qiegħed inaqqas l-introjtu lejn l-għaqda. Ma ninsewx ikollhom li għamlu xhur magħluqin u l-attività tagħhom kienet wieqfa għal kollox.

Agħar minn hekk imma, issa jinsabu f’punt li l-entużjażmu qed ibatti minħabba l-fatt li mhux ikollhom għan għalxiex jaħdmu. Dawk li tkellmu miegħi spjegawli li ġaladarba kollox għadu inċert x’se jiġri u jekk jistgħux jorganizzaw il-festa, bħal donnu qed jaħdmu b’nofs qalb. Ma jafux jekk dak ix-xogħol li tant jagħmlu minn qalbhom hux ser iwettquh fil-ġimgħa tal-festa. Biex inġib eżempju, inutli jaħdmu fuq il-bandalori jekk dawn mhux se jintramaw. Inutli jibdew il-lezzjonijiet għall-kunċert meta hemm ċans li dan ma jsirx. 

Fattur ieħor huwa li s-soltu kull għaqda tressaq lejha element ġdid fi ħdanha u tħajjar individwi biex jissieħbu magħha. Dan l-fattur ta’ inċertezza mhux jgħin biex persuni ġodda jissieħbu fl-għaqdiet jew jgħinu b’mod attiv fil-ħidma ta’ matul is-sena f’ġieħ il-festa.

Min naha l-oħra irridu nifhmu li l-pandemija qiegħda magħna u jidher li n-numri qegħdin jiżdiedu kemm f’Malta imma bil-wisq iktar barra minn xtutna. Li hemm tajjeb li f’pajjiżna qegħdin nikkontrollaw tajjeb ħafna u anke t-teħid tal-booster, qabad ritmu tajjeb ħafna. Nemmen li dan kollu għandu jiġi sfruttat u ngawdu minn dak li konna kapaċi niksbu.

Għaldaqstant, nappella biex bħalma dejjem għamel dan il-Gvern, isib it-triq tan-nofs li tkun tajba għal kulħadd. M’għandix dubju li b’diskussjoni serja jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ, biex il-festi tagħna jerġgħu jibdew jitgawdew, filwaqt li fl-istess ħin nibżgħu għas-saħħa ta’ xulxin.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Sport