Wednesday, December 18, 2024

ROTI: Hamilton se jkollu jistenna sat-18 ta’ Marzu biex ikun jaf l-eżitu tal-kampjonat li tilef b’mod kontroversjali

Aqra wkoll

Lewis Hamilton se jkollu jistenna sat-18 ta’ Marzu li ġej – jumejn qabel il-bidu tal-istaġun il-ġdid fil-Bahrain – biex isir jaf bir-riżultat tal-investigazzjoni tal-Formula Wieħed dwar kif tilef it-titlu mondjali f’ċirkostanzi kontroversjali f’Abu Dhabi.

Il-futur ta’ wieħed mill-aqwa sewwieqa fid-dinja ta’ kull żmien, li tilef it-tmien titlu tal-kampjonat ix-xahar li għadda, se jkun is-suġġett ewlieni ta’ diskussjoni f’laqgħa bejn il-kap tat-team tal-Mercedes, Toto Wolff, u l-president il-ġdid tal-FIA, Mohammed ben Sulayem.

Minkejja dan is-summit, l-FIA ħarġet stqarrija aktar kmieni dan ix-xahar fejn sostniet li jista’ jieħu aktar żmien biex tissolva l-kontroversja li tiċċentra fuq Max Verstappen tar-Red Bull li tħalla jgħaddi lil Hamilton b’tyres friski fl-aħħar dawra tal-aħħar tiġrija tal-istaġun wara bidla fil-miżuri tas-sigurtà tas-soltu u l-proċeduri tal-karozzi.

Minħabba f’hekk, Hamilton ta’ 37 sena, baqa’ diżilluż u qed jikkunsidra jekk għandux jonora l-aħħar sentejn tal-kuntratt tiegħu mal-Mercedes, li jiswa £70 miljun. 

Id-detenturi tad-drittijiet kummerċjali tal-isport, Liberty Media, iridu li l-FIA taġixxi b’ħafna aktar ħeffa – aktar milli tilħaq riżoluzzjoni tliet xhur u sitt ijiem wara din il-kontroversja.

L-FIA qalet li: “Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Dinji tal-Isport tal-Muturi f’Pariġi, fil-15 ta’ Diċembru 2021, l-FIA bdiet investigaz­zjoni b’analiżi dettaljata tal-avvenimenti tal-Grand Prix ta’ Abu Dhabi.

“Il-president tal-FIA nieda konsultazzjoni mat-timijiet kollha tal-F1 dwar diversi kwistjonijiet, inkluża din.

“Fid-19 ta’ Jannar ġie diskuss il-punt li kien fuq l-aġenda tal-Kumitat Konsultattiv Sportiv għall-użu tas-safety car.

“L-istadju li ġej se jkun diskussjoni kondiviża mas-sewwieqa kollha tal-F1.

“Ir-riżultat tal-analiżi dettaljata se jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni tal-F1 u d-deċiżjoni finali titħabbar fil-World Motor Council fil-Bahrain fit-18 ta’ Marzu.” 

Din il-konsiderazzjoni ewlenija hija wkoll id-destin tad-direttur tat-tiġrijiet tal-F1, Michael Masi.

Għall-kronaka, Hamilton deher komdu riesaq lejn ir-rebħ tat-tmien titlu tiegħu li kien se jkun rekord assolut.  Iżda tliet dawriet mit-tmiem meta huwa kien fil-vantaġġ ta’ aktar minn 12-il sekonda fuq ir-rival dirett tiegħu, Verstappen, kellha tissejjaħ is-safety car minħabba li kien hemm aċċident meta l-Kanadiż, Nicholas Latifi (Williams) ikkraxxja fil-ħajt.  

Dak id-distakk ta’ Verstappen niżel għal kollox iżda filwaqt li kien fit-tieni post, huwa kien wara ħames karozzi li kienu llappjati u qatt ma deher li seta’ b’xi mod jaqbeż lil dawn il-karozzi u jegħleb lil Hamilton meta kien għad fadal żewġ dawriet għat-tmiem. 

Iżda għas-sorpriża ta’ kulħadd, id-direttur tat-tiġrija, Michael Masi, b’mod mill-aktar kontroversjali bidel id-deċiżjoni tar-rego­lamenti hekk kif il-ħames karozzi li kien hemm quddiem Verstappen tħallew jaqbżu s-safety car biex l-istess sewwieq Olandiż tħalla jiġi ras imb’ras ma’ Hamilton li sa dak il-ħin kien ixxamplat riesaq lejn ir-rebħa.

F’dak il-mument, Verstappen kellu l-vantaġġ minħabba li kellu t-tyres friski u meta ġew ma’ xulxin ma kien hemm l-ebda dubju minn kien se jidħol fl-ewwel pożizzjoni … hekk kif Verstappen ħalla lil Hamilton warajh biex rebaħ l-ewwel titlu tiegħu.

Ekonomija

Sport