Thursday, December 19, 2024

ROTI: “Il-karting huwa sport mill-isbaħ ta’ passjoni u dedikazzjoni kbira” – Jake Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karting?

Qabel,  il-football kien l-isport tiegħi iżda l-passjoni minn dejjem kont nuriha li kienet fis-sewqan. B’hekk darba fost l-oħrajn missieri kien ħadni fi Skola Sport fuq il-karting fit-trakka tal-Badger Karting u minn hemm ibbrillajt biex imbagħad xtrajna kart personali u bdejt insuq u nittrenja għall-kampjonat Sqalli.

Kif inhi l-ħajja ta’ sportiv illum il-ġurnata?

Iż-żmien dejjem jinbidel u nħoss li llum il-ġurnata l-isport qed jiġi iktar rikonoxxut bil-modi ta’ media soċjali speċjalment il-Motorsport u għalhekk persuna sportiva għandha iktar ċans li tissemma’ isimha barra minn xtutna u b’hekk ikun hemm iktar ċans għal xi sponsors u nies li jixtiequ jkomplu f’dak l-isport.

Nitkellmu dwar il-go karts. Int għandek il-go karts personali tiegħek?

Jien bħalissa għandi go kart armata bil-magna KZ li tiġi shifter kart. Qabilha kelli tnejn oħra bil-magni Rotax b’single gear li għenuni nasal fejn qiegħed issa.

Dawn kemm jiswew biex tixtrihom?

Il-prezz ta’ go kart ivarja ħafna. Biex tixtri waħda ġdida bil-magna b’kollox tista’ titlagħlek bejn €8,000 u €10,000, peró second hand tista’ ssibha bejn €1,500 u €3,500. Jien dejjem second hand xtrajthom, biss jekk tkun ser tikkompeti ma tridx tixtrihom antiki ħafna.

Kif tiddeskrivi x-xena in ġenerali tal-karting f’pajjiżna?

L-isport tal-go karts f’pajjiżna minn dejjem kien hawn id-dilettanti għalih. Biss qabel ma kienx hawn fejn issuq u kienu jarmaw Ħal-Far bil-cones. Wara xi żmien qbadna nsuqu fit-trakka tal-Badger Karting, f’Ta’ Qali, li kienet kemmxejn żgħira għall-karts tagħna, peró issa li għadda ħafna żmien, saret trakka Ħal-Far kif jixraq tal-go karts u b’hekk dan l-isport qed jikber u jiġi rikonoxxut drastikament f’pajjiżna.

Apparti li tkun sewwieq tal-go kart, trid tkun taf tirranġa xi ħsarat int stess jew  inkella l-ispejjeż jiżdiedu wkoll?

F’dan l-isport dejjem li l-aħjar tkun f’team bejn is-sewwieq u l-mekkanik biex b’hekk kulħadd ikun jista’ jiffoka fuq l-irwol tiegħu. Meta int tkun taf u tifhem kif il-karts jaħdmu u tirranga l-ħsarat tkun qed tiffranka l-ispejjeż milli toqgħod teħodha biex tissewwa u anke jekk tkun ġo kampjonat waqt tellieqa u jinqalagħlek xi ħaġa, issewwiha int dak il-ħin. B’hekk l-aħjar hu li persuna tkun informata sew fuq il- karts biex tevita ħafna spejjeż u tkun iktar indipendenti għat-team.

X’unuri rbaħt kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna?

Jien ikkompetejt kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija u l-Italja. Fl-2018 irbaħt il-kampjonat tar-Rotax fi Sqallija u ġejt it-tieni f’dak tal-Italja. Wara li ksibt dawn is-suċċessi, qlibt għall-kategorija ogħla fil-karting li tiġi ta’ shifter karts (go karts b’sitt gearijiet). B’din il-kart kont insuq fi Sqallija biss peress li ma kellniex trakka Malta u rnexxieli niġi darbtejn it-tielet u b’hekk kont l-ewwel sewwieq tal-karting li tlajt fuq il-podju fil-kategorija tal-KZ shifter karts.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Il-futur jidher li hu promettenti peress li issa għandi t-trakka fejn nista’ nsuq ix-shifter kart u b’hekk ma jkollix nuqqas ta’ taħriġ meta nitla’ nsuq barra minn xtutna. U anke jistgħu jiġu nies professjonali minn barra minn Malta u b’hekk ikun hemm iktar ċans li nissemmew barra minn xtutna.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li huma mħajra fl-isport tal-Go Karting.

Li nista’ ngħid huwa li l-karting huwa sport mill-isbaħ ta’ passjoni u dedikazzjoni kbira. Dan huwa l-ewwel pass ta’ ħafna mis-sewwieqa tal-Formula 1 li wassalhom fejn qegħdin illum. Bis-saħħa ta’ din it-trakka l-ġdida, għandna fejn inkomplu niżviluppaw it-talenti tagħna f’dan l-isport u b’hekk inkomplu nkabbru x- xena tal-motorsport f’Malta.

Ekonomija

Sport