Sunday, May 18, 2025

Rumen mixli bl-involviment tiegħu fis-serq ta’ €180,000 f’mobiles minn ħwienet differenti

Il-Pulizija ressqet Rumen ieħor fil-Qorti b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn numru ta’ ħwienet madwar Malta fis-sajf tal-2023.

Aqra wkoll

Ir-Rumen, Iulian Dinca ta’ 33 sena, inġieb Malta b’titjira minn Ruma tard il-Ġimgħa filgħaxija permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Huwa tressaq b’arrest il-Ħadd quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mixli b’xejn inqas minn 14-il akkuża.

Huwa kien mixli li ppromwova, organizza jew iffinanzja għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-ħsieb li jagħmlu reat kriminali, li allegatament ipparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ din l-għaqda u li kien jappartjeni għal din l-istess għaqda. 

Dinca kien mixli wkoll b’serq ta’ tagħmir elettroniku minn diversi ħwienet li jinsabu f’lokalitajiet differenti fosthom f’Ħal Qormi, Birkirkara, San Ġwann u San Ġiljan. Akkużi oħra fil-konfront tiegħu jgħidu li wettaq ħsara f’dawn il-ħwienet u li kien riċediv. 

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija kien irriżulta li s-serq seħħ fix-xhur tas-sajf tal-2023, bil-ħallelin jiżgassaw il-bieb ta’ barra tal-ħwienet u f’temp ta’ ftit sekondi jbattlu l-ixkafef mill-mobiles u jaħarbu minn fuq il-post. B’kollox, l-ammont misruq f’apparat elettroniku jilħaq il-€180,000.  

Fil-Qorti, Iulian Dinca wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Brendan Hewer u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit, Joseph Mercieca u Christina Delia. 

B’rabta ma’ dan il-każ, f’Jannar li għadda, il-Pulizija kienet ressqet Rumen ieħor – Marius Iorga – iżda kien ċaħad l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u kien baqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport