Sunday, December 22, 2024

Rumena arrestat b’rabta ma’ pickpocketing fil-Belt Valletta, l-Imdina u San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ numru ta’ serqiet, magħrufin bħala pickpocketing, wasslu biex tard il-Ħamis filgħaxija ġiet arrestata Rumena ta’ 41 sena.

Huwa mifhum li l-mara tifforma parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq pickpocketing fuq persuni li jinġabru f’postijiet turistiċi, sabiex jużaw il-folla bħala għodda u jisirqu l-vittmi tagħhom.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li bejn it-8 u t-23 ta’ Ġunju, 2024, il-mara wettqet aktar minn 20 serqa. Il-mira kienu turisti, l-iktar fil-Belt Valletta, l-Imdina u San Pawl il-Baħar, fejn kienet tisraq il-kartieri jew portmonijiet bil-flus.

B’kollox insterqu madwar €7,000 fi flus kontanti minn fuq il-vittmi. L-investigazzjonijiet wasslu biex ġiet stabbilita l-identità tal-mara. Hija ġiet arrestata l-Ħamis, fl-ajruport, hekk kif kienet se tipprova titlaq mill-pajjiż.

Il-mara qiegħda tinżamm arrestata il-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, filwaqt li mistennija titressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-11:00 a.m,
quddiem il-Maġistrat Dr Marseann Farrugia LL.D

Ekonomija

Sport