Il-Carabinieri Taljan fir-reġjun ta’ Reggio Calabria fil-jiem li għaddew irnexxielhom ikissru organizzazzjoni kriminali involuta f’numru ta’ attivitajiet kriminali inklużi frodi, sfruttament sesswali u ħasil tal-flus. L-investigazzjoni li kienet appoġġjat mill-Europol, involviet ukoll awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mill-Ġermanja, l-Olanda u r-Rumanija. Sa qabel ma ġie mkisser, dan iċ-ċirku kriminali irnexxielu jaħsel aktar minn miljun Ewro minn vittmi rġiel fl-Italja.
It-tħajjir tal-“imħabba” kien primarjament immirat għal irġiel ta’ bejn is-70 u d-90 sena li jgħixu waħedhom jew li huma iżolatiu minn membri tal-familja tagħhom.
Il-grupp kriminali kien magħmul prinċipalment minn ċittadini Rumeni, li kien jimmira l-iktar lejn irġiel anzjani bbażati fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Calabria. In-netwerk kriminali kien juża nisa żgħażagħ impjegati bħala ħaddiema domestiċi biex iqarrqu bl-anzjani. Dawn in-nisa kienu jħajru u jikkonvinċu lill-klijenti irġiel anzjani tagħhom biex isellfuhom somom kbar ta’ flus. Ħafna drabi kienu wkoll jinvolvu ruħhom f’relazzjoni mal-anzjan filwaqt li jużaw skuża differenti biex jitolbu għajnuna finanzjarja, bħal problemi taʼ saħħa personali jew mard taʼ membru tal-familja.
F’xi każijiet, il-vittmi ġew mhedda jekk ma jħallsux l-ammonti mitluba. F’każ minnhom, vittma sofra żewġ attakki tal-qalb wara li mara żagħżugħa b’mod sigriet tagħtu l-kalmanti biex tiffaċilita s-serqa mid-dar tiegħu.
Il-vittmi kienu jittrasferixxu somom kbar lil dawn in-nisa. F’każ wieħed biss anzjan vittmi tilef kważi 20,000 Ewro. Membri oħra tal-grupp kriminali kienu jiġbru l-flus u wara jittrasferuhom lejn lir-Rumanija permezz ta’ servizzi differenti ta’ trasferiment ta’ flus. L-assi kriminali mbagħad jiġu maħsula fir-Rumanija permezz ta’ investimenti fi proprjetà immobbli, vetturi u deheb.
L-investigazzjoni tal-Carabinieri tistma li l-grupp kriminali rnexxielu jikseb aktar minn miljun Ewro permezz ta’ din l-attività kriminali.
Waqt l-investigazzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi identifikaw 56 membru tal-grupp kriminali, b’16 minnhom ikunu atturi ewlenin fl-iskema. L-investigaturi llokalizzaw ukoll numru minn dawn is-suspettati fir-Rumanija, il-Ġermanja u l-Olanda.
L-Europol ilha tappoġġja dawn l-investigazzjonijiet mill-2020 billi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni. It-tim ta’ investigaturi finanzjarja tal-Europol ipprovdew wkoll appoġġ analitiku speċjalizzat, inkluża l-analiżi tal-flussi finanzjarji bil-fili permezz ta’ servizzi ta’ trasferiment ta’ flus.