Tuesday, May 14, 2024

Raġel arrestat wara li nstab armat u fil-pussess ta’ droga f’razzett fin-Nadur

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena li nstab fil-pussess tad-droga, somma ta’ flus kontanti u armi, mistenni jitressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex illum, għall-ħabta tat-3:00 p.m. quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana.

Ir-raġel li huwa residenti r-Rabat, Għawdex, ġie arrestat waqt operazzjoni li saret mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga. 

Wara li l-Pulizija irċeviet informazzjoni dwar il-possibilità ta’ traffikar tad-droga waqt xi attivitajiet tal-Karnival f’Għawdex, bdew mill-ewwel l-osservazzjoni fuq razzett fl-akwati tan-Nadur. Ilbieraħ, għall-ħabta tal-10:00 a.m., il-Pulizija ċċirkondaw ir-razzett, daħlu ġewwa u arrestaw lir-raġel, li f’dak il-mument kien armat b’pistola. 

Minnufih il-Pulizija elevaw l-arma u waqt tfittxija, bil-Pulizija ta’ Kontra d-Droga jkunu assistiti mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Klieb, instabu diversi qratas suspettata kokaina u ammont ieħor ta’ sustanza suspettata kannabis, allegatament biex tkun ittraffikata. Minbarra d-droga, instabu ukoll mat-€53,000 fi flus kontanti, żewġ rifles u munizzjoni. Irriżulta li l-armi kollha ma kinux liċenzjati. 

Il-Maġistrat Dr Simone Grech qed tmexxi inkjesta megħjuna minn numru ta’ esperti. 

Sport